Id-djoċesi ta’ Boston nidiet sistema għar-rapport ta’ abbużi minn Isqfijiet

ir-risposta tad-djoċesi ta' Boston għall-ittra tal-Papa dwar l-abbużi mill-kleru

l-Isqfijiet tad-djoċesi ta’ Boston fl-Istati Uniti qablu li jagħmlu u fil-fatt niedew sistema indipendenti fejn wieħed jista’ jirrapporta abbużi minn Isqfijiet Kattoliċi. Din id-deċiżjoni ttiħedet fid-dawl tal-Ittra “Vos Estis” tal-Papa Franġisku, dwar x’għandu jsir f’każ ta’ abbużi mill-kleru, liema ittra, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet ZENIT,  sabet qbil kważi unanimu mill-Konferenza Episkopali Amerikani li ltaqgħet f’Ġunju li għadda.

Fid-9 ta’ Mejju li għadda l-Papa Franġisku ippromulga digriet intitolat “Vos estis lux mundi” li jidentifika miżuri estensivi fid-dawl tal-kriżi tal-abbużi sesswali fil-Knisja. Dawn il-miżuri jinkludu li kull djoċesi, f’kull pajjiż, twaqqaf sistema publika li l-pubbliku jkun jista’ jaċċessa biex jirrapporta każi ta’ abbużi sesswali mill-kleru jew meta dawn il-każi jkunu mistura.  Id-djoċesijiet kollha għandhom sa Mejju tas-sena d-dieħla biex idaħħlu dawn is-sistemi.

Reati minn Isqfijiet

Id-digriet tal-Papa Franġisku jistabilixxi wkoll normi proċedurali ġodda għall-investigazzjoni ta’ reati minn Isqfijiet u Superjuri ta’ istituti reliġjużi, kemm f’każ ta’ allegazzjoni ta’ abbużi sesswali kif ukoll f’każi ta’ allegazzjonijiet li dawn il-każi kienu moħbija billi saru jew ma sarux affarijiet maħsuba biex jażbu dawn il-każi jew jindaħlu fl-investigazzjoni tagħhom.

F’Ġunju li għadda, l-Konferenza Episkopali Amerikana approvat li għandha titwaqqaf sistema nazzjonali ta’ rappurtaġġ indipendenti ta’ allegazzjonijiet u lmenti li jinvolvu lill-Isqfijiet Amerikani.  Is-sistema hi disinjata biex tirċievi permezz ta’ telefonata jew e-mail, informazzjoni kunfidenzjali dwar possibilta’ ta’ nuqqasijiet mill-Isqfijiet.

L-Isqfijiet tal-provinċja ta’ Boston, meta jafu l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema jonqosha biss ftit xhur, qablu li jidħlu fi programm li waqqfet l-Arċidjoċesi tagħhom, permezz tas-sit elettroniku indipendenti EthicsPoint.

Rapporti mandatorji

F’dawn l-aħħar 20 sena diġa’ sar ħafna biex tkun indirizzata l-kriżi tal-abbużi sesswali mill-kleru fil-Knisja Kattolika, fosthom id-dħul ta’ rapporti mandatorji lill-awtoritajiet ċivili, taħriġ għall-protezzjoni u l-prevenzjoni, għajnuna pastorali lill-vittmi, fost numru ta’ miżuri oħra.

Iżda għad fadal aktar xi jsir biex ikun assigurat li jkun hemm sistema indiependenti effettiva biex ikunu rappurtati nuqqasijiet minn Isqfijiet.

Dawk li kienu abbużati sesswalment minn membri tal-kleru, flimkien mal-familji u l-maħbubin tagħhom għandhom dejjem jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.  Dawn in-nies diġa’ sofrew ħafna.  Biex il-Knisja Kattolika terġa’ tirbaħ il-fiduċja u l-kredibilità, it-tmexxija tagħha trid tkun impenjata għat-trasparenza u l-kontabilità. Wieħed jittama u jitlob li dan l-isforz ikomplu jsaħħaħ ix-xogħol diħa’ mibdi fl-aħħar sentejn bl-iskop li jkun hemm fejqan għall-vittmi.