Ftehim bejn id-Djoċesi t’Għawdex u l-Gvern dwar diversi proġetti

Id-Djoċesi t’Għawdex saħħet ir-relazzjoni tagħha mal-istat, hekk kif iffirmat ftehim mal-Ministeru t’Għawdex dwar proġetti fis-settur soċjali, ekonomiku, ambjentali u kulturali.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, l-Isqof Mario Grech irrimarka li preżentament għaddejja ħidma siewja f’Għawdex kemm min-naħa tal-gvern ċentrali kif ukoll mill-Knisja, u rrimarka li b’dal-ftehim il-Knisja f’Għawdex qed tfittex li tkun tra’ servizz akbar għall-komunità.
Mons. Grech fakkar li l-missjoni tal-Knisja hi li tippromwovi dak kollu li jgħin biex tiġi mħarsa d-dinjità tal-bniedem u jitkattru l-ġid u l-ħarsien soċjali, kulturali u ambjentali.
Min-naħa tagħha l-Ministru Justyne Carauna qalet li tqis lill-Knisja f’Għawdex bħala sieħeb strateġiku u ta’ importanza speċjalment fis-settur soċjali.
Irrimarkat li matul is-snin, il-gvern ċentrali dejjem qies id-Djoċesi ta’ Għawdex bħala kontributur ewlieni għall-ġid tal-komunità Għawdxija, u qalet li b’dal-ftehim diversi servizzi li joffri l-Gvern u li toffri l-Knisja se jitwaħħdu sabiex ikunu aktar b’saħħithom.
Ritratt: MGOZ – George Scerri