Id-djalogu bejn il-Knisja u l-politiċi huwa proattiv – L-Arċisqof Scicluna

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Papa Franġisku kien dejjem aħrax kontra l-korruzzjoni li ddeskriva bħala kankru u velenu li jherri lill-klassi politika u jnawwar l-umanità.
Huwa qal dan f’intervista li ta lill-agenzija tal-aħbarijeit Taljana Agensir. Huwa kien qed jitkellem fl-isfond ta’ laqgħa li ssejħet mill-Konferenza ta’ Isqfijiet Ewropej, il-COMECE, u s-Santa Sede.
Fl-intervista l-Arċisqof wera l-fehma li d-djalogu bejn il-Knisja u l-politiċi huwa wieħed tajjeb għax huwa proattiv. Il-knisja hija attiva u preżenti fil-qasam soċjali, fl-edukazzjoni, ir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li għaddew mill-esperjenza ta’ droga, il-kura ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali u l-anzjani. Il-parroċċi huma attivi ħafna anke kulturalment .
Mistoqsi dwar il-korruzzjoni huwa wera l-fehma li l-korruzzjoni tinbet mid-dnub oriġinali għax il-bniedem ikun irid iqiegħed lilu nnifsu l-ewwel , jara biss l-interessi tiegħu u jsir għadu tal-ġid komuni. Huwa fakkar li l-Papa jfaħħar il-vokazzjoni politika bħala waħda mill-għola forom ta’ karità għax dejjem tfittex il-ġid komuni.
L-azzjoni politika, qal l-Arċisqof, tissarraf ukoll f’solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Azzjoni politika li tfittex li sseddaq il-ġid komuni hija profetika u żżomm lis-soċjetà żgħażugħa. Fir-realtà, iżda, il-bnieben spiss iservi l-interessi personali.
L-Arċisqof Scicluna qal li l-Knisja mhix biss ġerarkija imma hija magħmula minn nies li jagħtu xhieda b’ħajjithom.
Li l-Kattolici ikunu f’minoranza, qal l-Arċisqof, ma għandux jiskuraġġina għax il-ħmira, hija ftit meta mqabbla mal-għaġna, imma hija ta’ importanza kbira. Huwa ħeġġeġ lill-Maltin biex isarrfu il-kliem f’fatti.
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li huwa importanti li l-Ewropa tibni pontijiet bejn il-pajjiżi mhux ħitan. Wissa li jekk is-solidarjetà ma titqiegħed fil-prattika, din mhi solidarjetà xejn. Qal li l-knisja f’Malta tagħti kenn lil madwar 400 refuġjat f’eżempju ta’ azzjoni konkreta ta’ solidarjetà. Huwa heġġeġ lill-pajjiżi Ewropej jibnu ‘kuruturi umanitarji’ mhux ħitan ta’ esklużjoni.