Read in English.
L-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħarġet avviż fuq id-diżinfettant Rexoguard, għaliex dan qed jissejjaħ lura mis-suq minħabba sustanza li fih.
Dan skont l-Att dwar il-Kontroll tal-Pestiċidi. L-importatur u d-distributur tal-prodott qed isejjaħ il-prodott lura mis-suq, u dan jgħodd għall-fliexken kollha, ta’ 250ml, 500ml, 750ml u 2 litri.
Dan għaliex, skont id-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1765, b’effett mis-16 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, is-sustanza Klorofen, li tinsab f’dal-prodott, mhix approvata għall-użu f’diżinfettanti ta’ wċuħ, materjali, tagħmir jew għamara.
Il-konsumaturi li xtraw dan il-prodott qed jintalbu biex ma jużawhx.
Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet oħra, tistgħu tikkuntattjaw lill-MCCAA fuq pesticides.regulations@mccaa.org.mt.