Il-Papa: id-dittatorjati jibdew meta l-midja tintuża biex ixxerred il-gideb

Fi kliem il‑Papa Franġisku, id‑dittatorjati kollha jibdew bl‑istess mod: il‑mezzi tax‑xandir jitpoġġew f’idejn nies u gvernijiet “mingħajr skruplu” li moħħhom biss biex ixandru l‑gideb u jdgħajfu d‑demokrazija.

Waqt il‑Quddiesa ta’ filgħodu fir‑residenza Santa Marta fil‑Vatikan, it‑Tlieta filgħodu l‑Papa qal li biex tirrennja d‑dittatura, l‑ewwel ma jitilqu huma l‑istandards, in‑normi u l‑liġijiet fil‑qasam tal‑komunikazzjoni.

Imbagħad, kompla jgħid Franġisku, il‑mezzi u l‑oqsma kollha tal‑midja u l‑komunikazzjoni jgħaddu “għand ditti u negozji li jiċħdu l‑verità biex idgħajfu d‑demokrazija, u mbagħad l‑imħallfin jiġu biex jiġġudikaw lil dawn l‑istituzzjonijiet imdgħajfa u meqruda, lil dawn in‑nies ikkundannati, u d‑dittatura malajr issib it‑triq tagħha.

L‑omelija tal‑Papa kienet ibbażata fuq l‑ewwel qari tal‑ġurnata, dak ta’ Ġeżabel, li rnexxielha tgħin lir‑raġel tagħha jieħu f’idejh l‑art tal‑ġar tagħhom bl‑ingann u l‑gideb.

Il‑Papa qal li llum il‑ġurnata ħafna nies, “ħafna kapijiet ta’ stati jew gvernijiet,” jibdew b’gidba li “wara li tkisser kemm il‑persuna u anke s‑sitwazzjoni,” hemm sentenza u anke kundanna.

Ħafna pajjiżi, kompla jżid il‑Papa Franġisku, “jużaw dan il‑metodu: jeqirdu l‑komunikazzjoni ħielsa”. Madanakollu sostna wkoll li l‑individwi wkoll huma ttentati li jkissru u jeqirdu lill‑ħaddieħor billi jitkellmu minn wara daharhom, jigdbu u jxandru aħbarijiet skandalużi fuqhom.