Id-ditta Michael Kors mistennija tnaqqas fil-bejgħ

L-ishma ta’ Michael Kors naqsu b’aktar minn 6% din il-ġimgħa wara li l-grupp Amerikan tal-moda ddiżappunta s-swieq b’previżjonijiet kawti għal bejgħ u profitti għas-sena finanzjarja attwali.
Il-kumpanija, li hija l-aktar magħrufa għad-designer handbags tagħha, li l-bejgħ se jibqgħu fil-livell tas-sena li għaddiet. Dan minkejja li l-kumpanija daħlet 1.18 biljun dollaru mill-bejgħ fl-ewwel tliet xhur tas-sena attwali, żieda ta’ 11% fuq is-sena li għaddiet. L-akbar żidiet ġew mid-ditta Jimmy Choo, negozju ta’ żraben ta’ kwalità għolja li Michael Kors akkwistat is-sena li għaddiet għal 1.2 biljun dollaru. Madankollu, il-bejgħ fl-aktar suq importanti għall-kumpanija, il-kontinent Amerikan, naqas b’2.5% fl-ewwel kwart tas-sena.
Matulis-sena li għaddiet il-valur tal-kumpanija kien prattikament irdoppja. Bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar fil-kuntest ta’ kompetizzjoni qawwija fuq l-Itnernet, Kors investiet bis-saħħa fis-settur elettroiku filwaqt li naqset l-ispejjeż billi għalqet numru ta’ ħwienet tradizzjonali.
Michael Kors għandha l-kwartieri tagħha u hi kwotata fuq il-Borża ta’ New York, fl-Istati Uniti u llum tħaddem aktar minn 12,500 persuna.

Jiddiżżappunta s-suq tal-proprjetà fl-Awstralja

Fl-Awstralja, l-attività fis-settur ta’ proprjetà ħadet daqqa ta’ ħarta fl-ewwel kwart tas-sena. Approvazzjonijiet għal bidu ta’ djar ġodda naqsu aktar milli mistenni filwaqt li permessi mhux residenzjali wkoll irreġistraw tnaqqis, f’sinjal ta’ tħassib għat-tkabbir ekonomiku.
L-approvazzjonijiet għal bini naqsu b’5% f’April, minkejja previżjonijiet ta’ 3%. Meta wieħed iqabbel l-aħħar tnax-il xahar, xorta kien hemm żieda ta’ 2%, iżda dan huwa ferm inqas minn żieda ta’ aktar minn 10% reġistrata fl-2017.
Dan ġie rifless fi tnaqqis fil-prezzijiet tal-proprjetà, li huwa wkoll riżultat ta’ policies aktar restrittivi mill-banek biex isellfu. Hu mistenni li din is-sena, il-prezzijiet fl-akbar żewġt ibliet, Sydney u Melbourne, jonqsu b’5%.
Filwaqt li l-ekonomija Awstraljana kibret b’2.4% is-sena li għaddiet, b’mod partikolari xprunata minn konsum domestiku ikbar, analisti qed juru t-tħassib tagħhom għall-progress ekonomiku matul l-2018. Fl-ewwel kwart tas-sena, l-ekonomija mhix mistennija tikber aktar minn 0.8%, riżultat ukoll ta’ tnaqqis fl-industrija tal-minjieri fil-pajjiż.
Fid-dawl ta’ dan hu mistenni li r-Reserve Bank of Australia (RBA) se jkompli jħalli r-rati tal-imgħax fil-livell baxx ta’ 1.50% għal perjodu itwal ta’ żmien.

L-ishma ta’ Microsoft jiżdiedu 15%

Is-settur tal-cloud computingqed jixpruna aktar tkabbir fil-kumpanija Microsoft li issa komplet tirranka fit-triq li tilħaq valur fenomenali ta’ triljun dollaru. Dan wara li Microsoft mistennija tirreġistra l-aktar espansjoni b’saħħitha fid-dħul għal dawn l-aħħar għaxar snin hekk kif is-sena finanzjarja tagħha tagħlaq ix-xahar li ġej.
Għalkemm l-isem ta’ Microsoft ċertament m’għandu bżonn ebda introduzzjoni, sa ħames snin ilu l-futur kien pjuttost inċert hekk kif kumpaniji oħra kienu qed jikbru b’rata ferm ogħla speċjalment b’investimenti fis-settur tat-telekomunikazzjoni u l-mobiles. Microsoft ukoll pruvat taqbad din it-triq, iżda l-akkwist tal-kumpanija Nokia kien falliment totali.
Iżda Microsoft irnexxilha tirriġenera ruħha, u investiet bis-saħħa fis-settur tal-cloud computing, li prattikament jfisser il-provvista ta’ ħażna ta’ data b’mod partikolari għall-kumpaniji l-kbar Ii jagħmlu użu qawwi minn dan is-servizz. Iżda, b’differenza minn Amazon, il-Microsoft ma tipprovdix biss l-ispazju iżda wkoll servizzi online bħal Office 365 u applikazzjonijiet oħra bħal dawk ta’ customer relationship management.
Il-bejgħ mill-cloud laħaq is-6 biljun dollaru fl-ewwel kwart tas-sena, meta mqabbel ma’ 5.4 biljun tal-eqreb rivali Amazon. Dan xorta jikkonsisti biss f’madwar 20% tal-bejgħ totali tal-kumpanija iżda kkontribwixxa 63% mit-tkabbir tagħha din is-sena. Skont stimi tal-istess kumpanija, għad hemm potenzjal enormi ta’ tkabbir, u mhux iżjed minn 15% tas-suq ġie ppenetrat fil-preżent.
Mill-bidu tas-sena l-ishma ta’ Microsoft żdiedu bi ftit aktar minn 15%, biex issa l-kumpanija għandha valur ta’ 760 biljun dollaru, 15-il biljun aktar minn Alphabet, il-propretarja ta’ Google.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment