“Id-distribuzzjoni tal-fuel sar iktar sigur fit-toroq Maltin” – Enemed

Il-Kumpanija Enemed, responsabbli mill-importazzjoni, distribuzzjoni u l-bejgħ tal-fuel għas-suq lokali, inkluż l-avjazzjoni qed tinvesti €1,500,000 biex tibdel il-flotta ta’ trakkijiet u tagħti libsa ġdida u professjonali lill-kumpanija.
Il-Kumpanija Enemed hi tal-Gvern, twaqqfet fl-2014 u hija sussidjarja ta’ Petromal Company Ltd. li xtrat il-Petroluem Division mill-Enemalta.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal fil-Parlament li l-Enemed żiedet il-flotta ta’ trakkijiet minn 11-il trakk għal 13, u s’issa biddlet 7 mill-11-il trakk oriġinali u żewġt iżwiemel mill-erbgħa trakkijiet antiki li għad baqa'. Il-Ministru qal li dan ix-xahar jagħlaq it-tender għax-xiri ta’ żewġ tankijiet tal-ġarr ġodda sabiex is-sena d-dieħla tkun wettqet il-pjan li tbiddel kollox.
Joe Mizzi qal li l-investiment kapitali hu meħtieġ għax l-inġenji tal-Enemalta kien ilhom 20 sena u kienu qed jiswew ħafna flus f’manutenzjoni. Il-Ministru qal li l-bidliet kien hemm bżonnhom għax il-pompi kollha ta’ Malta u Għawdex iridu jiġu “upgraded” għal standards Ewropej u għahekk it-trakkijiet eżistenti ma humiex attrezzati għal ‘bottom loading”.
Hu mifhum li b’dan it-tibdil, l-Enemed se tkun qed iżżid l-effiċjenza fl-operat tagħha u s-servizz lejn il-klijenti u fl-istess ħin tkun qegħda iżżid is-sigurtà fuq it-toroq filwaqt li tnaqqas mit-tniġġis peress li t-trakkijiet kollha huma aktar moderni.