“Id-distakk bejn dawk li jaqilgħuha tajjeb u dawk le qed jikber” – Caritas

Read in English.

Caritas qalet li l-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li d-distakk bejn dawk li għandhom dħul għoli u dħul baxx qed tiżdied.

Spjegat li dħul adekwat hu neċessarju biex persuna tkun tista’ tgħix ħajja diċenti, wisq aktar meta din il-persuna jkollha familja fir-responsabbiltà tagħha. 

Aqra: 30% tal-familji ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa darba f’sena

Skont l-aħħar ċifri li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2018 kien hemm 78,685 (16.8%) persuna li qed tgħix b’€8,868 ewro fis-sena kkumparat ma’ 75,516 (16.7%) mis-sena preċedenti. Fl-2018 kien hemm 16,241 (3.5%) persuna li qed tgħix biss b’€5,912 fis-sena, ikkumparat mat-12,800fis-sena preċedenti, u n-nisa baqgħu  l-ogħla fil-kategorija f’riskju ta’ faqar, b’mod speċjali nisa li huma single parents u l-anzjani.

Caritas qalet li b’ekonomija li kulma jmur qed tikber, f’Malta hawn diversi persuni li sejrin tajjeb ekonomikament, imma fl-istess waqt, dawk li jinsabu fil-kategoriji l-iktar baxxi, qed isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet iktar diffiċli biex ilaħħqu ma’ dan il-progress. 

Caritas sostniet li kulħadd għandu dritt għal dħul adekwat biex jgħix ħajja diċenti.

Ir-reazzjoni tal-Ministeru

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali qal li jeħtieġ li l-istatistika tiġi evalwata b’mod olistiku u fattwali. Dan qalu b’reazzjoni għal dak li qalet il-Caritas, fejn żied jgħid li statistika dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali tiġi analizzata abbażi tar-rati tal-popolazzjoni u  kien hemm tnaqqis fil-persentaġġi tal-indikaturi kollha msemmija. Qal, iżda, li fl-aħħar sitt snin, Malta rreġistrat tnaqqis ta’ 13,000 persuna fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali.

Il-Ministeru qal ukoll li d-dħul medju tal-familji kompla jiżdied għal livell rekord u għalhekk il-linja li fuqha jinħadem l-ammont ta’ persuni f’riskju ta’ faqar hija ferm ogħla minn dik ta’ ftit snin ilu. Apparti dan, skont il-Ministeru, fir-rigward taċ-ċaħda materjali severa, kien hemm tnaqqis ta’ 28,000 persuna fl-aħħar sitt snin u bħalissa Malta għandha l-inqas ammont ta’ nies li fost oħrajn ma jaffordjawx btala jew li ma jlaħħqux mal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.