Id-diskussjoni fil-Parlament dwar il-liġi dwar l-Enemalta għandha ssir

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla, qal li ma jistax jobbliga lill-Gvern biex jippubblika xi ftehim li hu għandu dwar l-Enemalta. Dan ifisser li d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi “dwar it-Trasferiment tal-Attiv, id-Drittijiet, id-Debiti u l-Obbligi tal-Enemalta”, li kienet skedata għall-bieraħ, għandha ssir.
Ilbieraħ Anġlu Farrugia ntalab mill-Oppożizzjoni jiddeċiedi jekk is-seduta ppjanata għall-Parlament, dwar abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta, kellhiex issir qabel ma’ l-Gvern jippubblika kull kuntratt jew ftehim li hu għamel dwar l-Enemalta. Wara t-talba għal ruling, l-Oppożizzjoni rrimarkat li ma kienx hemm kworum u ftit tal-ħin wara s-seduta ġiet aġġornata għal-lum.
Anġlu Farrugia qal li hu wasal għad-deċiżjoni tiegħu wara li evalwa dak li qalu d-deputati taż-żewġ naħat u dak li qed jiġi propost fl-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta li ma jinkludi ebda riferenza għal ebda kumpanija li dwarha sar riferiment ilbieraħ.
L-Ispeaker irrefera għal deċiżjonijiet preċedenti li hu ħa b’rabta ma’ proċeduri simili, għal Standing Orders tal-Parlament Malti u għall-mod kif timxi l-House of Commons, li jqisu li hi responsabilità tal-Gvern li jara li d-dokumenti kollha meħtieġa għal diskussjoni jiġu ppubblikati, u mhux tas-Sedje. Qal li hu m’għandu l-ebda poter li jordna lill-Ministru jippubblika xi dokumenti sakemm id-diskussjoni ma tkunx qed tirreferi direttament, inkluż  bi kwotazzjoni, għal xi dokument partikolari, li mhux dan il-każ.