Id-diskussjoni dwar l-elezzjoni tkompli…

Iż-żewġ anzjani Qriema, Ninu u Żaren dalgħodu kienu fil-wied ta’ Ħal Qormi jiddiskutu dwar ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali u dwar il-Gvern.

Ninu għandu 80 sena (li għalaqhom mal-elezzjoni) u Żaren għandu 69 sena. Ma jaqblux fuq politika imma roqgħa xemx jixorbuha t-tnejn! Fil-fatt dan ir-ritratt ittieħed dalgħodu fis-7.30am, qabel ma infetħu bibien is-sema.

Ninu u Żaren qalu lil Newsbook li spiss jiltaqgħu u dalgħodu Żaren inzerta kien għaddej bil-passiġġata meta ltaqa’ ma’ Ninu u intefgħu għaż-żiffa jaraw il-ħajja għaddejja u l-ġenn tal-karozzi jinstaqu minn ħdejhom lejn ix-xogħol.

Għal Ninu u Żaren il-wied joffri kenn u serħan is-sena kollha. Spjegaw hekk: ‘Fix-xitwa noqogħdu din-naħa u fis-sajf naqsmu n-naħa l-oħra fuq il-bank għad-dell u ż-żiffa’.