​Id-diskussjoni dwar il-ftehim tal-Enemalta u Shanghai Electric għall-Erbgħa

Il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-ftehim li laħaq il-Gvern ma’ Shanghai Electric Power, għall-bejgħ ta’ terz tal-ishma tal-Korporazzjoni Enemalta, fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal dan fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra llejla.
L-Ispeaker iddeċieda li d-diskussjoni tista’ ssir u l-Gvern m’għandux għalfejn jipprovdi iktar informazzjoni għal dik li diġà ppubblika.
L-Oppożizzjoni, sal-ġimgħa li għaddiet, kienet qed tinsisti li d-diskussjoni fis-Sessjoni Plenarja għandha ssir meta l-Gvern jippubblika l-ftehim li ffirma mal-kumpanija Ċiniża.
Fl-aħħar jiem madankollu l-Gvern ressaq mozzjoni fil-Parlament biex id-diskussjoni tkun tista’ ssir f’dan l-istadju.