Id-diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda tnaqqsilna d-dinjità – nisa immigranti

Nisa immigranti li jgħixu f’residenzi u ċentri differenti lokali qalu li d-diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda tnaqqsilhom id-dinjità. Dan ħareġ fi studju fejn ġew mitkellma ħames gruppi ta’ nisa differenti li jgħixu f’ħames postijiet differenti.

L-istudju In This Together li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Jesuit Refugee Service Malta, ra l-esperjenzi ta’ 114-il mara li qed jgħixu f’istituzzjonijiet jew ċentri miftuħa wara li spiċċaw kellhom jitilqu minn darhom minħabba vjolenza domestika, u oħrajn minħabba li kienu qed jgħixu f’żoni tal-gwerra jew persekuzzjoni. Il-gruppi ta’ nisa kienu ġejjin minn tliet xelters ta’ vjolenza domestika u żewġ ċentri miftuħa.

In-nisa rrakkuntaw il-problemi li jsibu meta jippruvaw iħossuhom parti mill-popolazzjoni Maltija u qalu li kemm-il darba jiġu diskriminati minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom, ir-reliġjon jew minħabba li huma immigranti. Qalu li l-Maltin jaħsbu li persuni ta’ karnaġġjon skur huma maħmuġin u qalu li wħud anke jaħsbu li huma ‘mġienen’. Huma spjegaw li dan il-fattur inaqqas id-dinjità tagħhom. Qalu li huma wkoll xi darba kellhom ħajja stabbli b’familja u xogħol sakemm ġew sfurzati jitilqu mill-komfortabbiltà ta’ darhom.

“Ħsibt li kont ġejja għal ħajja aħjar”

Mara partikolari spjegat li meta għamlet il-vjaġġ lejn l-Ewropa ħasbet li se jkollha ħajja aħjar mill-miżerja li kienet għaddejja minnha fil-pajjiż tagħha. Qalet li b’hekk ħadet iċ-ċans li tgħaddi minn vjaġġ iebes mid-deżert u fuq il-baħar. Qalet li minkejja dan, spiċċat f’xelters li bilkemm jagħtu sapport u gwida, u fejn hi u immigranti oħra bħala huma suġġetti għal diskriminazzjoni razzjali fuq bażi regolari fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Aqra: Nisa fiċ-ċentri l-miftuħa jibżgħu mill-gwardjani rġiel – studju

L-istudju jgħid li minkejja li dawn in-nisa issa jinsabu ‘l bogħod mit-trawma li għaddew minnha, u f’distanza sigura, xorta ma jkunux kuntenti sal-aħħar. Dan hekk kif matul il-vjaġġ tagħhom, huma ġew separati mill-familji tagħhom u għaldaqstant ħafna drabi jħossuhom waħedhom.

In-nisa jixtiequ jaslu f’punt fejn jgħixu ħajja indipendenti

Huma u jitkellmu mar-riċerkaturi, in-nisa spjegaw li l-akbar xewqa tagħhom hija li jaslu f’punt fejn ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u ma jiddependu fuq ħadd.

In-nisa spjegaw li ma għandhomx dar jew għax ħarbu minn darhom jew għax ma għandhomx biżżejjed flus biex isibu post għal rashom. Qalu li dan minħabba prezzijiet għolja tal-kiri f’Malta. Spjegaw li kawża ta’ dan ikollhom japplikaw għall-housing tal-Gvern. Huma jitpoġġew fuq il-lista ta’ stennija fejn xorta ma għandhomx garanzija li se jirnexxielhom jingħataw post fejn jgħixu. Ġie spjegat li hawn persuni li ilhom fuq din il-lista għal 15-il sena. Spjegaw ukoll li ġew f’sitwazzjonijiet fejn sidien tal-kera rrifjutaw li jikrulhom id-dar minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

Huma komplew jgħidu li persuni li jinsabu f’postijiet istituzzjonali ma jingħatawx għajnuna finanzjarja mill-gvern u għalhekk huma jispiċċaw ma jkunux jistgħu jipprovdu għalihom innifishom sabiex ikunu jistgħu jaħsbu fil-bżonnijiet bażiċi tagħhom. Hemm xi wħud li jirċievu l-benefiċċji soċjali mill-gvern imma qalu li ħafna drabi dan ma jkunx biżżejjed għal dawk li għandhom it-tfal.

Fl-istudju ħareġ ukoll li dawn in-nisa jingħataw ftit li xejn ċans li jedukaw ruħhom dwar servizzi disponibbli fil-pajjiż, speċjalment dawk li jgħixu fiċ-ċentri l-miftuħa. Spejgaw li ma hemmx korsijiet fil-lingwa Maltija malli jaslu u ħafna mis-servizzi li jkunu jridu jużaw jiġu mingħajr interpretu. B’hekk isibuha diffiċli ħafna biex jifhmu lill-oħrajn.

X’kienu l-konklużjonijiet tal-istudju?

L-istudju kkonkluda li minkejja l-istejjer differenti tan-nisa, l-inkwiet tagħhom kien simili. Filwaqt li ħafna semmew problemi strutturali bħal dewmien eżaġerat fil-proċeduri tal-Qorti u prezzijiet għolja tal-kera, is-saħħa emozzjonali ta’ individwu ġiet emfasizzata. In-nisa indikaw li għandhom ix-xewqa li jaslu f’punt fejn ikunu indipendenti, għan li jintlaħaq biss jekk il-ħtiġijiet emozzjonali tagħhom jintlaħqu, il-feriti tal-passat jiġu kkurati u jirċievu s-sapport neċessarju flimkien mal-ħiliet neċessarji li jwassluhom sabiex jibdew il-pass li jmiss f’ħajjithom.