​“Id-diskriminazzjoni, mhux iż-żwieġ bejn il-gays, tkun telfa għall-Knisja” – il-Kardinal Marx

Il-Kardinal Reinhard Marx minn Munich żamm il-bogħod mill-fehma ta’ xi Nsara li mmaġinaw sitwazzjonijiet qishom l-Apokalissi, mad-dħul tal-liġi taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fil-Ġermanja.
Spjega li l-Knisja għandha tinkwieta iktar fuq l-istorja tagħha li tkun kompliċi biex tiddemonizza persuna gay.
Marx, li hu l-kap tal-Konferenza Episkopali fil-Ġermanja u wieħed mill-konsulenti ewlenin tal-Papa Franġisku, iddikjara li hu jiddefendi l-veduti tal-Knisja dwar iż-żwieġ.
Imma f’intervista ppublikata ftit jiem ilu, Marx jgħid li l-Knisja għandha wkoll turi sogħba għax storikament m’għamlet xejn biex twaqqaf il-prosekuzzjoni ta’ persuni omosesswali.
Qal li l-Knisja għandha tkompli xxandar it-tagħlim taghħa li ż-żwieġ hu rabta għal għomorhom, bejn raġel u mara.
"L-istat irid jagħmel liġijiet li huma validi għal kulħadd."
Il-Kardinal ta’ 63 sena spjega li ma jqisx bħala telfa, il-vot tat-30 ta’ Ġunju li jillegalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Qal li l-kunċett taż-żwieġ u tal-familja mhux tal-Knisja biss.
Qal li jifhem it-tħassib tal-persuni konservattivi li ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jista’ jwassal għal-sess bejn tlieta u għall-inċest. Imma serrħilhom rashom li dawn il-beżgħat huma bla bażi.
Mistoqsi jekk il-Knisja hix titlef l-influwenza tagħha, il-Kardinal Marc wieġeb “Aħna ngħixu f’soċjetà miftuħa magħmula minn Insara, Lhud, Musulmani, Buddisti u dawk li ma jemmnux. F’soċjetà sekulari, l-istat irid jagħmel liġijiet li huma validi għal kulħadd.
Spjega li l-influwenza Kristjana ma tidhirx biss fil-liġijiet imma fil-valuri tal-ħajja ta’ kuljum. Qal li dan mhux każ fejn il-Knisja tkellmet biss iżda timxi skont l-Vanġelu li jobbliga li tittieħed azzjoni.