“Id-diskrepanzi fil-liġijiet ambjentali fl-UE jeħtieġ li jiġu indirizzati” – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li d-differenzi bejn il-liġijiet u l-istrutturi operazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fir-reati ambjentali jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Waqt laqgħa tal-grupp tat-tmexxija tal-EnviCrimeNet, netwerk informali Ewropew ta’ uffiċjali tal-Pulizija, tal-aġenziji u tal-forzi speċjali li jiġġieldu kontra l-kriminalità ambjentali, il-Ministru qal li f’pajjiżi differenti għandna diskrepanzi bejn x’jista’ jitqies bħala reat ambjentali u varjetà fis-sistema ta’ penali.
Kompla jgħid kif din is-sitwazzjoni toħloq kenn għall-kriminali li jisfruttaw il-fatt li mhux ir-reati kollha jiġu ppenalizzati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.
Għaldaqstant qal li jeħtieġ li nibnu fuq l-inizjattivi u l-isforzi li diġà jeżistu min-naħa tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali.
Din il-laqgħa qed issir bejn illum u għada fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, u qed titmexxa miċ-Chairperson tal-EnviCrimeNet Roel Willekens, fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill