Id-diskors ta’ Muscat kien wieħed viżjonarju – Cutajar

Miguela Xuereb

Il-kandidata tal-Partit Laburista (PL) għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE) Josianne Cutajar qalet li d-diskors tal-Prim Ministru waqt il-mass meeting ta’ Jum il-Ħaddiem kien wieħed viżjonarju, wieħed ta’ “Kap u ta’ Statista li għandu pjanijiet għall-pajiż u għall-poplu”.

Cutajar qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-PL. Il-kandidata tal-PL għall-elezzjonijiet tal-PE Miriam Dalli qalet li huwa inutli li wieħed jiftaħar li daħħal lil pajjiżu fl-Unjoni Ewropea jekk imbagħad wieħed jipprova jdawwar dak il-fatt kontra l-istess pajjiż. Dalli kkritikat ukoll l-MEPs tal-PN li akkużathom li f’kull okkażjoni ppruvaw imorru jiġru quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej. Qalet li saret “ħsara” lil Malta u li kien hemm differenza fl-attitudni ta’ MEPs barranin. Dalli qalet li ma tibżax minħabba li Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea għax taf li bid-determinazzjoni tista’ tagħmel suċċess.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li l-qasam soċjali huwa fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. Il-budget għal din is-sena fil-qasam soċjali huwa budget rekord, 50% iżjed minn dak li kienu jonfqu.  Spjega li wieħed minn kull €3 li jonfoq il-Gvern jonfoqhom fil-qasam soċjali.

Agius Decelis tkellem dwar ix-xogħol li għamel il-Gvern Laburista. Fakkar li l-Gvern ħabbar l-ikbar proġett fil-qasam soċjali ta’ dawn l-aħħar 40 sena. Dan jinvolvi l-bini ta’ 1180 appartament fil-qasam soċjali bl-investiment ta’ €110 miljun.

Se naħdem għal żieda fil-paga minima – Sant

Il-kandidat tal-PL  għall-elezzjonijiet tal-PE Alfred Sant qal li jekk jikseb il-fiduċja tal-elettorat fl-elezzjonijiet Ewropej, ikompli jistinka biex ikun hemm żieda koordinata fil-paga minima nazzjonali madwar l-Ewropa “skont iċ-ċirkostanza ta’ kull pajjiż.”

Aktar mill-kampanja elettorali: