Id-diski ta’ Eminem isaħħu l-prestazzjoni tal-atleti

Jekk tisma’ d-diski ta’ Eminem tista’ żżid il-prestazzjoni atletika sa 10%.
Din hija l-konklużjoni ta’ studju li wettqu riċerkaturi li għamlu tliet xhur jistudjaw l-impatt tal-mużika, bħal dik ta’ Eminem, fuq il-moħħ waqt l-eżerċizzju jew l-isport.
Ir-riċerka saret fuq l-għawwiem Ben Hooper waqt il-preparazzjoni atletika li qed jagħmel, hekk kif ix-xahar id-dieħel se jaqsam l-Atlantiku bl-għawm.
Ir-riċerkaturi sabu li Hooper kien isaħħaħ il-prestazzjoni atletika tiegħu bid-diski ta’ Eminem, Lose Yourself u Without Me.
Skoprew ukoll li ballads bħal I Don’t Want to Miss a Thing ta’ Aerosmith kellhom riżultat bil-kontra.
Ironikament id-diska The Eye of the Tiger, li l-udjenza tisma’ waqt it-taħriġ fil-film ta’ Rocky, ma kellha l-ebda effett fuq l-atleta.