Id-disinn tal-libsa tas-Sorijiet ta’ Madre Tereża hu proprjeta intellettwali

Bħalissa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja qed isir użu  mid-disinn tal-abitu tas-Sorijiet tal-Karita’ magħrufa bħala s-Sorijiet ta’ Madre Tereża (illum Santa Tereża ta’ Calcutta). Iżda ftit jafu li s-sorijiet kienu rreġistraw dan id-disinn bħala proprjeta intelletwali wara proċess legali li dam sejjer tliet snin u li ntemm fl-4 ta’ Settembru 2016, proprju fil-ġurnata meta Madre Tereża kienet dikjarata qaddisa.
Fil-fatt id-digriet tal-Qorti Indjana jgħid li “il-burdura blu fuq is-sari li jintlibes mis-Sorijiet Missjunarji tal-Karita’ kien rikonoxxut bħala proprjeta’ intellettwal tal-istess ordni”.
Għalkemm is-sorijiet, għax ma jħobbux il-pubbliċita qatt ma ħabbru uffiċjalment din il-kisba issa nħasset il-ħtieġa li jsir dan minħabba l-użu indiskriminat li qed isiru minnu.
Il-libsa tas-Sorijiet tal-Karita’ kienet disinjata minn Madre Tereża stess fl-1948 meta niżlet fit-toroq ta’ Calcutta biex isservi lill-foqra u lill-morda.
L-applikazzjoni għat-‘trade mark’ saret f’Diċembru 2013 u ntrebħet wara tliet snin ta’ proċeduri legali iebsa. Il-libsa tqieset bħala uniformi u din kienet l-ewwel darba li uniformi sabet protezzjoni taħt il-liġi tal-proprjeta’ intellettwali.
Waħda mis-sorijiet azjani tal-komunita’ spjegat li l-ħwienet minn fejn is-sorijiet kienu jixtru l-ilbies tagħhom kellhom ħwejjeġ b’burduri ta’ kuluri differenti fosthom ħomor, ħodor u blu u Madre Tereża kienet għażlet il-blu għax kien assoċjat mal-Madonna u jissimbolizza l-purezza. Madre Tereża adottat libsa reliġjuża li kienet simbolika u prattika li mhux biss tidentifikana mall-foqra imma kienet adattata wkoll għall-klima sħuna ta’ Calcutta.
Is-sinjifikat ta’ dan l-abitu hu dan: l-abjad ifisser verita’ u purezza; it-tliet strixxi blu huma t-tliet voti li jieħdu s-sorijiet – poverta’, ubbidjenza u kastita’.  Is-salib fuq l-ispalla tax-xellug ifisser li Kristu fuq is-Salib hu ċ-ċavetta għall-qalb.