“Id-direzzjoni hi li min jitlob biex jaħdem mid-dar, għandu jiġi aċċettat” – Carmelo Abela

Il-Ministru Carmelo Abela qal li d-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern dwar remote working hi li kull min jitlob biex jaħdem mid-dar għandu jingħata din l-opportunità. Saħaq li f’każ li dan jiġi rrifjutat, il-ħaddiem irid jingħata raġuni għaliex mhux possibbli.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-istadju ta’ kumitat ta’ provista dwar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Abela qal li hemm differenza bejn teleworking u remote working. Filwaqt li t-teleworking ilu regolat bil-liġi, ir-remote working għad irid jiġi regolat.

Il-Ministru qal li s-Servizz Pubbliku qed jaħdem għall-bilanċ bejn l-għadd ta’ nisa u rġiel f’pożizzjonijiet tat-tmexxija, tant li 46% tal-karigi għoljin huma okkupati min-nisa.

414 impjegat tal-MFSA bit-teleworking

Waqt id-diskussjoni, id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li min-numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamlet dwar teleworking fil-qasam pubbliku, irriżulta li l-Ministeru tal-Finanzi hu l-uniku ministeru li qed imexxi ‘l quddiem din il-policy, hekk kif hemm 960 persuna li jaħdmu bit-teleworking, u li 414 minnhom huma fl-MFSA. F’din l-awtorità hemm bilanċ bejn nisa u irġiel.

Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, hemm il-Ministeru għal Għawdex fejn hemm biss sitt nisa bit-telework waqt li l-uniku raġel li applika ma kienx aċċettat. Hi qalet li ironikament hemm 3,750 Għawdxi li jaħdmu Malta u għalhekk hemm numru kbir ta’ ħaddiema li jistgħu jużaw it-teleworking.

Buttiġieġ kompliet tgħid li hemm 176 persuna fil-Ministeru tas-Saħħa, li 70 minnhom huma rġiel jaħdmu bit-telework. Fil-Ministeru tat-Turiżmu hemm 170 persuna li jaħdmu bit-telework.

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli ukoll tkellem dwar it-telework u qal li dan hu bżonn fil-mument li għaddejjin minnu. Hu kompla li d-direttiva 13 tar-remote working li ġiet irtirata f’Ġunju hemm bżonn li tkun riattivata għall-ħaddiema tal-gvern u jsir pakkett ta’ għas-settur privat. Huwa qal li minn 55,000 ħaddiem fis-settur pubbliku hemm eluf li jistgħu jaħdmu bit-teleworking.