Aġġornata: Direttur tal-MFSA jwissi lill-Kap Eżekuttiv dwar it-tqassim tal-flus

Read in English.

Joe Brincat, direttur fl-MFSA u eks ministru Laburista, ippreżenta ittra uffiċjali lill-qorti kontra l-Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità. Hu pprotesta li dan għamel “golden handshake” meta offra lil uffiċjal tal-kumpanija flus il-poplu.

L-avukat Brincat ħadha qatta’ bla ħabel kontra Joseph Cuschieri, kemm b’mod personali kif ukoll bħala l-Kap Eżekuttiv tal-MFSA. Brincat qal li Cuschieri ma kellu qatt id-dritt li jqassam flus il-poplu b’dan il-mod.

Wieħed mill-uffiċjali tal-kumpanija ġie “nkoraġġut” jieħu l-iskema ta’ rtirar kmieni u jitħallas €150,000. Iżda ftit taż-żmien wara reġa’ ngħata l-istess pożizzjoni li kellu.

Fl-ittra ġudizzjarja l-avukat Brincat qal li bħala membru tal-bord tal-MFSA, kien fid-dmir tiegħu li jieħu l-miżuri kollha possibbli biex ma jkunx hemm kwalunkwe azzjoni krimminali. Qal li jekk ma jagħmilx hekk kien se jkun kompliċi.

Skont kif kien hemm miktub fl-ittra, l-awtorità tiddependi parzjalment mill-fondi allokati lilha mill-Parlament. Dawn ikunu ingħataw għal skopijiet speċifiċi u ħadd ma kellu d-dritt juża dawn il-flus b’dan il-mod.

Madankollu, riċentament skont rapporti tal-midja ġie żvelat li xi uffiċjal irċieva l-“golden handshake” f’attentat biex jintlaħaq ftehim u jirtira qabel iż-żmien. Iżda dan il-ħlas ma ġiex approvat b’vot fil-Parlament. Brincat argumenta li l-flus li tħallas bihom ittieħdu mill-flus li kienu allokati għal affarijiet oħra.

Brincat appella lil Cuschieri biex jieqaf iberbaq dawn il-flus għax la huma tas-settur privat u wisq inqas ma huma tan-negozju personali tiegħu. Brincat osserva li f’dan il-każ, il-Kap Eżekuttiv naqas milli jerfa’ r-responsabbiltà.

“L-MFSA qed tagħmel użu bla reqqa minn fondi pubbliċi” – Il-Partit Nazzjonalista 

Il-Partit Nazzjonalista (PN) ikkundanna l-mod kif l-MFSA qed tagħmel użu minn fondi pubbliċi mingħajr “għaqal u reqqa”.

an hekk kif il-partit semma żewġ aħbarijiet li dehru fil-midja lokali. L-ewwel aħbar hija “golden handshake” lil Reuben Fenech, l-uffiċċjal responsabbli mill-operazjonijiet tal-MFSA. Wieħed mill-Gvernaturi tal-MFSA ddeskriva dan il-ħlas bħala ‘reat’ u abbuż mill-użu ta’ fondi pubbliċi.

It-tieni kienet ta’ George Spiteri, eks Direttur tar-riżorsi Umani tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Huwa ngħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex jintemlu l-kuntratt. Minkejja dan, ftit ġranet wara beda jaħdem ma’ entità tal-Gvern li kienet tifforma parti mill-MFSA.