Id-Direttur tal-ħabs ma ħallihomx jiżżewġu; protest ġudizzjarju

Koppja li r-raġel jinsab residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin preżentaw protest ġudizzjarju kontra d-Direttur Ġenerali tal-ħabs bl-argument li mhux qed iħallihom jiżżewġu.

Fil-protest ġudizzjarju ġie spjegat li l-koppja ddeċidew li jiżżewġu madankollu d-Direttur tal-ħabs mhux iħallih lir-raġel joħroġ mill-ħabs biex jagħmel dan.

L-avukat tal-koppja argumenta li skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem dawn għandhom dritt jiżżewġu. Kompla li hija proċedura normali li l-priġunieri jiġu eskoratati sabiex jagħmlu dan u żied li d-Direttur tal-ħabs qed ikun arroganti u qed jikser id-drittijiet kostituzzjonali tal-priġunier.

L-avukat difensur appella lid-Direttur tal-ħabs biex jagħtihom permess jiżżewġu fi żmien tlitt ijiem u jekk ma jsirx dan se jinżamm responsabbli.