Id-Direttur tal-Ħabs jippassiġġa ma’ Yorgen Fenech

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li d-Direttur tal-Ħabs (Kap Eżekuttiv) Alexander Dalli mhux l-ewwel darba li deher jippassiġġa fil-konfini tal-ħabs, ma’ priġunieri “preferuti”, b’mod partikolari ma’ Yorgen Fenech. Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black u jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  Newsbook.com.mt bagħat diversi mistoqsijiet lid-Direttur tal-Ħabs li sa issa għadhom ma ġewx imwieġba.

Yorgen Fenech, ilu residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mit-30 ta’ Novembru 2019. Kien hemm żmien fejn ħwejġu kienu jaħsluhomlu priġunieri nisa. Normalment il-ħwejjeġ jinħaslu mill-priġunieri nfushom jew jagħtuhom lill-qraba meta jżuruhom. Barra minn hekk, qabel ma ġie trasferit f’diviżjoni, Fenech kien f’binja ta’ tlett ikmamar imsejħa single rooms, li fiha ma seta’ jidħol ħadd ħlief qraba tiegħu. Dawn kienu jżuru lil Fenech hemmhekk minflok fil-post fejn regolarment isiru l-visti.

Każ ieħor ta’ priġunieri privileġġjati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huwa dak żvelat minn Newsbook.com.mt, li dan is-sajf id-Direttur tal-Ħabs mar sar-Rinella bil-vann u ħa miegħu xi priġunieri li niżlu jgħumu, bid-Direttur jaqbeż il-baħar bil-ħwejjeġ ta’ taħt.  Dan l-aġir kien ikkundannat minn uffiċjali għolja tal-Gvern, li fissru li din l-imġiba tmur kontra kull etika u kontra r-regolamenti tal-ħabs u tal-Public Service Management Code (PSMC). Saħqu li b’ċertu aġir id-Direttur qed jaqbeż il-konfini professjonali, “iżda jibżgħu jkellmuh”.

“Division 18 għal dawk li jaqduh mill-koxxa”

Is-sorsi qrib Newsbook.com.mt spjegaw li d-Direttur tal-Ħabs ħoloq id-Division 18, li qiegħda għal dawk “li jaqduh mill-koxxa”. F’din id-Diviżjoni 18, bħalissa hemm erba’ priġunieri u fiha fl-ebda ħin ma jkun hemm uffiċjal korrettiv għall-kuntrarju ta’ diviżjonijiet oħra. Dawn jidħlu u joħorġu waħedhom. Id-Diviżjoni 18 ħadet post playroom u toilet li kienu jintużaw minn priġunieri li jkollhom aċċess biex jaraw it-tfal taħt superviżjoni tal-Aġenzija Appoġġ.

Min mhux privileġġjat, umiljat…?

Dan it-trattament jikkontrasta bil-qawwi ma’ kif jiġu trattati priġunieri oħra, “li mhumiex privileġġjati”.  Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li filwaqt li ma’ Fenech jippassiġġa u ma’ oħrajn imur il-baħar, lil priġunieri oħra, inkluż dawk barranin, jittrattahom qishom ma jeżistux, tant li “lanqas jeħdilhom b’idejhom”.

Daniel Muka, li qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Igor Micjoweski f’Tas-Sliema, qatta’ l-ewwel jiem tiegħu fil-ħabs umiljat f’kamra waħdu f’Diviżjoni 6:

  • It-twieqi li jagħtu għas-single room huma viżibbli minn barra u jinsabu fil-baxx. Din is-single room tissejjaħ ukoll ‘observation room’ – is-saqaf huwa tal-perspex, biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jissorveljaw.
  • F’din il-kamra m’hemmx faċilitajiet sanitarji normali  u għaldaqstant biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu jkollu juża ħofra fl-art.  Minbarra l-uffiċjali jistgħu jarawh ukoll priġunieri oħra għax hemm tieqa.
  • Itteħdulu l-ħwejjeġ u għamel żmien għarwien ħuta.
Fiex tikkonsisti Diviżjoni 6?
2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs

F’Awwissu li għadda, f’din id-diviżjoni, imsejħa wkoll “id-diviżjoni tal-kastig”, żewġ priġunieri għamlu attentat suwiċidju. F’din id-diviżjoni jintbagħtu priġunieri li allegatament f’għajnejn id-direttur tal-ħabs għandhom jiġu kkastigati iktar. Id-Direttur Dalli nnifsu kien ikkonferma li saret prassi li kull min jidħol il-ħabs jintbagħat ftit żmien f’din id-diviżjoni, “biex ikun daq il-ħabs – xogħolna hu li ngħallmu l-biża’”. Dan il-motto kien ġie kkundannat mill-Prim Ministru Robert Abela fil-ġimgħat li għaddew, waqt intervista li kellu ma’ Peppi Azzopardi.

It-tmexxija tal-ħabs kemm-il darba ġiet ikkundannata, fost l-oħrajn minn Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta u mill-preżentatur u ġurnalist Peppi Azzopardi. Fi kliem Prof. Azzopardi l-ħabs ma jistax jiġi trattat b’metodi kontroversjali ta’ dixxiplina, filwaqt li insista li lid-direttur tal-ħabs għandu jitneħħielu l-poter dwar min jitpoġġa f’ċelel solitarji u li d-dixxiplina tiġi deċiża minn bord li jinkludi psikjatra, psikologu, social worker u avukat. Minn naħa tiegħu, Peppi Azzopardi kkundanna każi fejn priġunier jitneżża’ għarwien ħuta, jorbtuh ma’ siġġu u jkun suġġett għaż-żufjett. Xi kultant jagħtuh belgħa ilma.

Jekk għandek xi storja x’taqsam magħna, ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt