​Id-Direttur ‘maħrub’ tal-VGH lura Malta llum

Ram Tumuluri, l-Indjan li ffirma ftehim mal-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet f’Malta u Għawdex mistenni jasal lura Malta llum.
Filwaqt li kkonfermat li Tumuluri ma kienx qiegħed Malta, kelliema għal Vitals Global Healthcare (VGH) qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-istejjer dwar li Tumuluri ħarab minn Malta “huma kompletament foloz”.
“L-irwol ta’ Tumuluri fil-kumpanija se jibqa’ l-istess”
Spjegat li Tumuluri jsiefer fuq xogħol ta’ sikwit u li l-irwol tiegħu bħala direttur tal-kumpanija se jibqa’ dak li dejjem kien.
Fil-jiem li għaddew, rapporti fil-midja lokali qalu li Tumuluri, li hu mfittex għal frodi, ilu ġimgħat ma jkunx preżenti għal-laqgħat tal-maniġment tal-isptarijiet. Ir-rapporti jgħidu wkoll li ħadd ma jaf x’sar minnu, la l-ħaddiema tal-VGH u lanqas l-impjegati tal-istess sptarijiet.
Tumuluri lanqas ma kien preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-bidu tax-xogħlijiet fis-sit fejn se tinbena l-Iskola Medika ta’ Barts fir-Rabat Għawdex.
“L-inġenji tneħħew mis-sit fejn se tinbena l-iskola medika”
Persuni qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalu ma’ Newsbook.com.mt li ftit wara li tħabbar li beda x-xogħol ta’ twaqqigħ fis-sit, ix-xogħol waqaf u l-inġenji tneħħew.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliema għall-VGH qalet li l-proġett tal-bini tal-iskola medika issa wasal fil-fażi ta’ skavar u ġbir ta’ terrapien, u fi kliemha "dan mistenni li jibda fil-jiem li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-VGH Nadine Delicata qalet ix-xahar li għadda, li x-xogħlijiet fuq il-pedamenti mistennija jieħdu tmien ġimgħat.  L-Iskola tal-Mediċina u tad-Dentistrija se tinbena fuq 2,400 metru kwadru.
Bla tweġiba dwar l-allegati każi ta’ frodi
Dwar l-allegati każi ta’ frodi li allegatament Tumuluri hu mfittex għalihom internazzjonalment, il-kelliema tal-VGH ma kellha l-ebda tweġiba. Dan minkejja li f’Novembru li għadda, il-VGH kienet ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.