Id-direttivi tal-UĦM qed iħallu lit-tfal b’diżabbiltà bla terapija – CRPD

Read in English.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Tfal b’Diżabbiltà qalet li d-direttivi maħruġin mill-UĦM – Voice of the Workers qed ikollhom impatt negattiv fuq it-tfal b’diżabbiltà li jmorru għat-terapija.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni leħħnet ħsibijietha fuq l-aħħar direttivi maħruġin mill-unjin, li għal darb’oħra, waqqfu s-servizzi ta’ terapija għat-tfal b’diżabbiltà. Il-Kummissjoni spjegat li hemm diversi ġenituri li huma mħassbin bis-sitwazzjoni u lmentaw dwarha, peress li s-servizzi ta’ terapija twaqqfu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Issoktat tgħid li filwaqt li tifhem il-ħtieġa tal-ħaddiema li jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, dan ma kienx l-aqwa żmien biex jagħmlu hekk, peress li s-servizzi diġà kienu tnaqqsu minħabba l-pandemija.

Il-Kummissarju Oliver Scicluna qal li huwa xogħol il-Kummissjoni li tara li t-tfal b’diżabbiltà ma jkollhom l-ebda żvantaġġ.

L-azzjonijiet industrijali nbdew minħabba ftehim li kien skada, u japplikaw għall-awdjologi, l-occupational therapists, id-dental hygienists, it-teknologi dentali, ix-xjentisti bijomediċi, il-fiżjoterapisti, il-patologi tad-diskors, ir-radjografi u l-podjatristi. Il-fiżjoterapisti fis-CDAU għadhom qed jipprovdu servizz.

Taħt dawn id-direttivi, it-terapisti qed jipprovdu servizzi ta’ emerġenza biss. It-tilwima industrijali bdiet f’Jannar li għadda, imma f’Marzu ġiet sospiża minħabba l-pandemija. Il-ftehim skada f’Diċembru tal-2017.

Il-Kummissarju Scicluna żied jgħid li dawn it-tfal u l-familji tagħhom ġarrbu xhur ta’ diffikultà bil-pandemija, u bil-waqfien tas-servizzi tat-terapija, hemm ċans li jmorru lura u jintilef ħafna progress. Minħabba din is-sitwazzjoni, il-ġenituri qed ikollhom ifittxu servizzi tal-privat, u dan qed joħloq ħafna problemi finanzjarji għall-familji.

Għalhekk, il-Kummissjoni appellat lill-Gvern biex isib soluzzjoni għall-impjegati tiegħu. Appellat ukoll għall-umanità ta’ dawk involuti, u rringrazzjat lit-terapisti li qegħdin jipprovdu servizzi ta’ emerġenza.