Id-direttivi fl-Isptar Karin Grech sospiżi għall-Milied

Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Direttivi li hemm għaddejjin fl-Isptar Karin Grech ġew sospiżi bħala sinjal ta’ rieda tajba għal żmien il-Milied.

Dan tħabbar dalgħodu mill-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace. Hu spjega li dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne intervjena bħala medjatur għat-tilwima industrijali bejn Steward Health Care u l-union.

Qal li b’dan l-intervent tal-Viċi Prim Ministru, il-proposti li Steward Health Care kellha tibgħat lill-union fil-31 ta’ Diċembru dwar l-impatt legali fuq l-infermiera li jaħdmu fl-Isptar Karin Grech, se jkunu qed jaslu fit-28 ta’ Diċembru.

Għalhekk, bħala sinjal ta’ rieda tajba, waqt il-perjodu tal-Milied, id-direttiva dwar l-assistenza lill-pazjenti, se tkun qed titwaqqaf bejn il-25 u t-28 ta’ Diċembru.

Għaliex it-tilwima industrijali?

Pace kien spjega lil Newsbook.com.mt li l-infermiera fl-Isptar Karin Grech qed jitħallew b’tagħbija u responsabbiltà ta’ pazjenti li hija kbira wisq meta mqabbla mal-ammont ta’ carers u infermiera li jkun hemm assenjati ma’ ward f’ġurnata sħiħa. Pace spjega kif meta pazjent jiġi ordnat li jkollu superviżjoni, din ġeneralment tkun tirrikjedi attenzjoni assoluta minn carer jew infermier. Qal li minkejja li l-isptarijiet ikunu mgħarrfa b’dan, ħafna drabi xorta jiddeċiedu li ma jimpjegawx biżżejjed carers sabiex ilaħħqu mad-domanda.

Qal li jekk imbagħad ikun hemm xi pazjent li jindarab jew saħansitra jmut minħabba li ma jkunx ingħata s-superviżjoni meħtieġa għax ma hemmx biżżejjed ħaddiema, jispiċċaw jeħlu l-infermiera. Qal li dan isir anke jekk jidher biċ-ċar li l-problema hija l-istituzzjoni u mhux l-infermiera nnifishom.