Id-diplomatiċi fi Vjenna jilagħqu xufftejhom għall-ikel Malti

Id-diplomatiċi u persuni distinti oħra waqgħetilhom żaqqhom hekk kif ġew ippreżentati b’għadd ta’ dixxijiet Maltin fir-ristorant UNO fi Vjenna, l-Awstrija.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE), l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), flimkien mal-Ambaxxata Maltija fi Vjenna, tellgħu ħames kokijiet minn ristoranti u lukandi Maltin sabiex isajru f’dar-ristorant li jilqa’ sa 5,000 persuna kuljum.
Waqt din il-Ġimgħa Kulinarja Maltija, huma sajru għall-komunità internazzjonali tad-diplomatiċi, liema nies spiċċaw ifaħħru xogħol il-Maltin u l-ikel li ppreżentaw.
Il-ħames kokijiet kienu Jimmy Aquilina, Roderick Vella, Aaron Degabriele, Michael Cauchi u Lino Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Paul Bugeja, saħaq li dan l-avveniment irreklama b’mod eċċellenti lil Malta, kemm mil-lat gastronomiku, kif ukoll mil-lat ta’ turiżmu ġejjieni, speċjalment fir-ristoranti u l-ħwienet Maltin.