Vawċers għal min ma jistax jiekol il-glutina

Id-Dipartiment tas-Saħħa qal li permezz ta’ skema ta’ vawċers għall-persuni li ma jistgħux jieklu ikel bil-glutina, se jinkoraġġixxi lill-importaturi sabiex iwessgħu l-firxa ta’ dawn il-prodotti. 
B’dan il-mod, il-prezz ta’ dawn il-prodotti jista’ jorħos.
Fi stqarrija, d-Dipartiment tas-Saħħa spjega kif għal numru ta’ snin irċieva bosta appelli minn persuni li jsofru minn intolleranza għall-glutina sabiex jintroduċi skema ta’ vawċers.  
Id-Dipartiment tas-Saħħa issa se jkun qed jipprovdi vawċer ta’ kull xahar lill-individwi intitolati, li permezz tagħhom jistgħu jiksbu varjetà wiesgħa ta’ prodotti bla glutina.
Dan il-vawċer se jkun jista’ jinġabar mill-Kunsilli Lokali.
Il-valur bażiku tal-vawċer se jkun ta’ €30 kull xahar, filwaqt li persuni bil-Kartanzjan, pensjonanti jew dawk bil-Karta r-Roża se jibbenefikaw minn vawċer ta’ €50 kull xahar.
Aktar kmieni llum, fi stqarrija, Claudette Buttigieg qalet li l-Gvern m’għandux ikun xħiħ u l-ammont li jingħata għandu jirrifletti verament in-nefqa ta’ dawn il-persuni fuq prodotti speċifiċi u li jkunu addattati għall-kundizzjoni tagħhom.