Id-dinjità umana tiġi biss minn Alla

Kull stat għandu dritt jiddistingwi bejn refuġjati ġenwini u imigranti ekonomiċi li m'għandhomx l-istess kultura tal-pajjiż li jkunu fih.
Dan qalu l-Kardinal Sarah meta kien qed jindirizza konferenza “Europa Christi” li saret fil-Polonja nhar il-Ħadd li għadda.
Hu nnota li l-Polonja hi pajjiż li qed jirrifjuta li jaċċetta “l-loġika” tad-distribuzzjoni tal-emigranti li “wħud iridu jimponu”.
Hu qal li filwaqt li kull emigrant hu persuna umana li għandu jkun irrispettat, is-sitwazzjoni ssir aktar kumplessa jekk dawk ikunu ġejjin minn kultura jew reliġjon differenti għax jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ġid komuni tal-pajjiż.
Il-mexxejja tad-dinja ma jistgħux ineħħu “d-dritt ta’ kull stat li jiddistingwi bejn refuġjat politiku jew reliġjuż” li jkun sfurzat jaħrab minn pajjiżu, u emigrant ekonomiku li jrid jibdel il-post fejn jgħix bla ma jaddatta ruħu għall-kultura tal-pajjiż fejn imur.
“L-ideoloġija tal-liberaliżmu individwali tippromwovi taħlita maħsuba biex tnaqqar il-fruntieri naturali tal-pajjiżi u l-kulturi u twassal għal dinja ta’ dimensjoni waħda fejn dak li jgħodd huma biss il-konsum u l-produzzjoni”, qal il-Kardinal Sarah.
Hu rripeta l-idea tal-Papa Franġisku li l-pajjiżi Ewropej għandhom jerfgħu parti mir-responsabbiltà jekk bl-imġiba tagħhom iddestabilizzaw il-pajjiżi ta' oriġini tal-emigranti, għalkemm dan ma jfissirx li għandhom jinbidlu minħabba l-immigrazzjoni tal-massa.
Ilmenta wkoll dwar is-sekularizzazzjoni tal-Ewropa u sostna li l-kontinent għal dawn l-aħħar żewġ seklu ilu jinsab fi kriżi ta’ ċivilizzazzjoni bla preċedent, minn meta Friedrick Nietzsche kien lissen il-frażi “Alla hu mejjet u qtilnieh aħna”.
“Minn dakinhar 'l hawn l-Ewropa ilha fi kriżi, li fost affarijiet oħra hi maħluqa minn ideoloġiji atei u issa miexja lejn iċ-ċaħda totali ta’ kull reliġjon u kull twemmin – niħiliżmu”, żied iwissi.
Il-Kardinal qal li wara li sfaxxat l-Unjoni Sovjetika meta ħafna pajjiżi kisbu l-ħelsien tagħhom u d-demokrazija, ħafna ħasbu li beda perjodu pożittiv ġdid għall-Ewropa. 
Iżda l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ma terġax lura għall-għeruq Kristjani u bdiet tibni l-istituzzjonijiet tagħha fuq affarijiet astratti bħalma hu s-Suq Ħieles, l-ugwaljanza tal-individwi u drittijiet individwalisti.  Dan kien żball għax kull liġi għandha tkun ibbażata fuq il-kunċett tad-dinjità umana li tiġi biss minn Alla.
“L-Ewropa mibnija fuq il-fidi f’Alla u issa maqtugħa mil-għeruq Kristjani tagħha, mhix f’perijodu ta’ apostażija siekta”, temm jgħid il-Kardinal Sarah.