“Id-dinjità u l-umanità qatt ma tista’ tissarraf għall-flus” – L-Arċisqof

Waqt li kien qiegħed iqaddes Quddies mal-ħaddiema tal-BOV, Mons. Scicluna qal li fid-dinja tal-finanzi ħafna drabi l-bnieden jitlef l-umanità tiegħu għax jara kollox f’termini ta’ profitt.
Fil-festa tal-Madonna tad-Duluri, Mons.Scicluna qal li l-Madonna taħt is-salib ta’ Binha tgħallimna l-umanità profonda.
Huwa awgura biex ma nħallux l-ekonomija tbegħidna mill-prinċipji etiċi tas-solidarjetà u tal-kompassjoni.
Fakkar li ma nistgħux naffordjaw li filwaqt li nirnexxu fir-riżorsi ma jkollniex qalb soċjali.
B’referenza għall-kliem ta’ Ġesù fuq is-Salib, “Hawn hi ommok”, Mons. Scicluna qal li f’mument kommoventi, Ġesù jaħseb f’dik l-armla li se titlef l-uniku tifel tagħha.
Qal li f’dak il-mument Ġesù wera s-simpatija lejn Ommu bħalma wera simpatija lejn romol oħrajn matul ħajtu.
F’dak il-mument diffiċli Ġesù wera l-kompassjoni u kellu l-qawwa psikoloġika u morali li jbati ma’ min qed ibati.
Ritratti: Ian Noel Pace