Id-dinjità tat-tfal fid-dinja diġitali: mill-ħsieb għall-azzjoni

Il-poster li jippromwovi l-Konferenza

Mexxejja reliġjużi, awtoritajiet ċivili u rappreżentanti ta’ kumpanniji tat-teknoloġija, bejn illum u għada se jiltaqgħu fil-kwartieri tal-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi Soċjali, għal laqgħa bit-tema: Promoting Digital Child Dignity – from Concept to Action, biex flimkien janalizzaw inizjattivi maħsuba biex jipprovdu protezzjoni effettiva lill-minuri fl-univers diġitali.

Il-Konferenza tiftaħ dalgħodu b’udjenza mal-Papa Franġisku u tintemm b’diskors mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, Pietro Parolin.

Il-laqgħa hi organizzata mill-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi Soċjali, iċ-Child Dignity Alliance u l-Interfaith Alliance for Safer Communities u hi bi tkomplija mal-Kungress Dinji bl-istess tema li kien organizzat fl-2017, mill-Università Pontifiċja Gregorjana u Konferenza Inter-Reliġjuża li saret f’Abu Dhabi s-sena li għaddiet.

Azzjoni mhux paroli

Kif tixhed it-tema tal-Konferenza “mill-kunċett għall-azzjoni” din mhux se tkun laqgħa biex tiddiskuti l-problema imma wkoll biex tissuġġerixxi u tgħin f’inizjattivi u pjani ta’ azzjoni li jindirizzaw il-problema.

It-80 parteċipant fil-Konferenza huma kollha nvoluti f’dan il-qasam u fosthom hemm rappreżentanti ta’ organiżazzjonijiet internazzjonali, NGOs, kumpanniji tat-teknoloġija, operaturi ekonomiċi, politiċi, ġuristi u mexxejja reliġjużi.

Is-Sheik Saif Bin Zayed al Nahyan, Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern tal-Emirati Għarab; ir-Reġina Silvia tal-Isvezja; l-Imama ta’ Al-Azhar, il-Professur Ahmed el-Tayeb; ir-Rabbi David Rosen; u Najat Maalla M’jid, rappreżentanta tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra l-Vjolenza tat-Tfal, ilkoll se jitkellmu fil-Konferenza.

Fil-ftuħ tal-Konferenza se jinqara wkoll messaġġ tal-Qdusija Tiegħu Bartolomew I, Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli.

Il-Papa Franġisku mistenni jagħti l-messaġġ tiegħu lid-delegati fl-udjenza li se jkollu magħhom qabel il-ftuħ tal-Konferenza.  Hu mistenni li fi tmiem il-laqgħa ssir stqarrija konġunta mill-parteċipanti kollha.