Id-dinja tkun aktar umana jekk niggarantixxu d-dinjità tal-persuni bi bżonnijiet speċjali

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma persuni bi bżonnijiet speċjali

Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali, il-Papa Franġisku fakkar kif il-promozzjoni għad-dritt tal-parteċipazzjoni, għandu rwol importanti biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni filwaqt li tkun promossa l-kultura tal-laqgħa u tal-kwalità tal-ħajja.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa nnota li “sar progress kbir fejn jidħlu persuni bi bżonnijiet speċjali kemm fil-qasam tals-saħħa kif ukoll għal dak li hu wens”.

Madankollu l-Papa enfasizza l-fatt li anke llum għad hawn kultura ta’ ħela fejn ħafna persuni bi bżonnijiet speċjali jħossu li “qed jeżistu bla ma jipparteċipaw”.

Protezzjoni tad-drittijiet

Il-Papa nsista li “dan kollu jitlob mhux biss li d-drittjiet tal-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-familji tagħhom ikunu protetti”,  imma wkoll “iridna nagħmlu dinja aktar umana billi nwarrbu l-preġudizzji”.

Hu meħtieġ, kiteb il-Papa fil-messaġġ tiegħu li “nieħdu ħsieb u nakkumpanjaw persuni bi bħonnijiet speċjali, f’kull kundizzjoni ta’ ħajja, anke bl-użu tat-teknoloġija moderna” biex b’hekk ikunu jistgħu jipparteċipaw attivament u b’dinjità fil-komunitajiet ċivili u ekklesjastiċi.

Qal li rridu nassiguraw l-aċċessibilità għall-postijiet u l-kwalità ta’ ħajja, wara li nqisu d-dimensjonijiet tal-bniedem.

Eżilju moħbi

Fil-messaġġ il-Papa Franġisku enfasizza li “hemm ħafna eżiljati moħbija jgħixu fid-djar, il-familji u s-soċjetà tagħna”.

“Qed jiġuni f’moħħi nies ta’ kull età, speċjalment anzjani, li anke minħabba d-diżabilità tagħhom, jitqiesu bħala piż, ‘preżenza ta’ tfixkil’ u jinsabu fil-periklu li jkunu mwarrba, li jkunu mċaħħda minn impjiegi tajba, milli jipparteċipaw fil-bini tal-futur tagħhom stess”.

Il-Papa nsista  li “irridu nwarrbu l-kultura li tqis il-ħajjiet tal-ewwel jew tat-tieni klassi.  Dan hu dnub soċjali”.

Bidla fil-mentalità

Fil-Jum Dinji tal-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali, l-Papa stieden lin-nies li “jkollhom il-kuraġġ li jagħtu vuċi lil dawk li huma diskriminati minħabba d-diżabilità tagħhom”.

“Importanti li nagħmlu liġijiet tajbin u neliminaw l-ostakoli fiżiċi, imma dan mhux biżżejjed jekk ma tinbidilx il-mentalità”.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku nkoraġixxa lil dawk kollha li jaħdmu ma’ nies bi bżonnijiet speċjali biex ikomplu bis-servizz importanti tagħhom b’impenn, li juri l-grad taċ-ċiviliżazzjoni ta’ pajjiż.