“Id-dinja tal-opera tilfet waħda mill-ikbar ikoni”

It-tenur Malti Joseph Calleja ddeskriva t-telfa tas-soprano Spanjola Montserrat Caballé bhala telfa ta’ waħda mill-ikbar ikoni fost il-kantanti tal-mużika operistika. Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Calleja wara li iktar kmieni s-Sibt tħabbret il-mewt ta’ Caballé. Calleja qal li kien ta’ dispjaċir kbir. Huwa qal li minkejja ma kellux l-opportunità li jaħdem ma’ Caballe minħabba d-distakk fl-età, huwa kien kellu l-opportunità li jiltaqa’ magħha. Huwa ddeskriva lis-soprano bħala persuna li dejjem tidħak u bniedma ċajtiera. Dwar il-vuċi tagħha, Calleja qal li kienet ta’ bellezza straordinarja li kellha l-kapaċità iżżomm noti twal mingħajr ma titlef is-sbuħija b’ħoss kważi etereu.

Il-mewt ta’ Montserrat Caballé tħabbret is-Sibt filgħodu mill-aġenzija tal-aħbarijiet Spanjola Efe. Il-kantanta li hi minn Barċelona mietet fl-età ta’ 85 sena. Caballe kienet saret popolari ferm meta kantat dwett flimkien mal-kantant tal-Queen Freddie Mercury b’diska Barcelona li umbgħad intużat għal waqt il-logħob tal-olimpijadi fl-1992 sena wara li miet Mercury. Hi kienet kisbet suċċess wara li ħadet l-irwol ta’ Lucrezia Borgia fl-opera ta’ Donizetti li ttellgħet f’New York. Il-karriera tagħha fix-xena mużikali kienet twila 50 sena.

Fl-2015 Caballé kienet weħlet sitt xhur ħabs sospiżi u ngħatat multa ta’ iktar minn €250,000 wara li nstabet ħatja ta’ evażjoni ta’ taxxa.

Il-funeral tagħha mistenni jsir it-Tnejn 8 ta’ Ottubru.