Id-dinja qed tisħon…nofs triq għal-“livell perikoluż”

Skont l-Uffiċċju Metereoloġiku Ingliż, it-temperatura madwar id-dinja mistennija togħla b’iktar minn grad Celsius meta mqabbla mat-temperatura ta’ qabel il-perjodu industrijali.
Iċ-ċifri għal bejn Jannar u Settembru juru li t-temperatura madwar id-dinja saħnet bi 1.2°C fuq il-medja ta’ bejn l-1850 u l-1900.
Dan ifisser li jekk it-temperatura tibqa’ kif imbassra, din is-sena se tkun l-iktar waħda li fiha tkun saħnet id-dinja.
Skont il-BBC, dan ikun ifisser li d-dinja tkun diġà nofs triq għal-limitu ta’ żewġ gradi ogħla, li huma meqjusa livell perikoluż.
Din l-aħbar hi meqjusa li tkompli żżid l-urġenza fuq is-summit ta’ Pariġi, li se jlaqqa’ mexxejja minn madwar id-dinja biex jaslu għal trattat ġdid dwar il-bidla fil-klima.