Id-dinja kollha tbati mill-ħsara fl-Amażonja

Pumpier tat-tifi tan-nar fil-ġlieda kontra n-nirien li qed jaħkmu l-Amazonia

L-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karibew urew tħassib serju għan-nirien li qed jiddistruġġu diversi foresti madwar id-dinja.

“Is-serjetà tan-nirien li bħalissa qed iħeġġu fl-Alaska, is-Siberia, Greenland, il-Gżejjer Kanarji u b’mod partikolari fl-Amażonja m’humiex biss ta’ inkwiet lokali imma huma ta’ proporzjonijiet planetarji, qalu l-Isqfijiet tal-Amerika Latina.

L-Amażonja, l-akbar foresta fid-dinja issa ilha aktar minn ġimgħatejn taqbad.

Il-Papa Franġisku li tul il-Pontifikat tiegħu ilu ħafna jitkellem dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, sejjaħ Sinodu apposta dwar ir-reġjun tal-Amażonja li se jsir f’Ruma f’Ottubru li ġej.

Mit-tama għall-inkwiet

Fi stqarrija li ħarġu fi tmiem il-ġimgħa, li kienet rappurtata minn Vatican News, l-Isqfijiet kitbu li  “it-traġedja naturali tremenda” li qed teqred l-Amażonja bidlet dak li kellu jkun Sinodu ta’ Tama għal wieħed ta’ nkwiet kbir.

“Lil ħutna, il-popli indiġeni li jgħixu f’din il-maħbuba foresta noffru s-solidarjetà tagħna u ngħiidulhom li aħna qrib tagħhom”, qalu l-Isqfijiet li żiedu jgħidu li “ningħaqdu fis-sejħa tagħkom lid-dinja biex tkun solidali u tagħti l-attenzjoni mmedjata tagħha  għal din it-traġedja qerrieda”.

Sinjura u vitali

L-isqfijiet għamlu riferenza għad-dokument preparatorju tas-Sinodu ta’ Ottubru fejn jgħid li l-foresta tal-Amażonja li tant hi sinjura f’dik li hi biodiversità, hi ta’ mportanza vitali għall-pjaneta tagħna”.

Il-Knisja ssostni li “żona tant multi-etnika, multi-kulturali, multi-reliġjuża…għanha bżonn bidliet strutturali u personali tal-bnedmin kollha. Din il-kriżi serja”, jgħid id-dokument tas-Sinodu, “hi kaġunata minn mill-ħidma tal-bniedem fejn il-kultura tal-ħela hi predominanti”.

Il-Pulmun tad-dinja

Fl-aħħarnett tal-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet tal-Amerika Latina, ħeġġew lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Amażonja, lin-Nazzjonijiet Magħquda u lill-Komunità Internazzjonali biex jgħinu “ħalli jkun salvat il-pulmun tad-dinja”.

Ikkwotaw ukoll lill-Papa Franġisku u talbu lil dawk kollha li għandhom xi pożizzjoni ta’ responsabbiltà biex ikunu “gwardjani tal-ħolqien, tal-pjan ta’ Kristu li jidher fin-natura, gwardjani ta’ xulxin u tal-ambjent u biex ma nħallux sinjali ta’ distruzzjoni u mewt ifixklu triqatna”. L-Isqfijiet temmew jgħidu li “Jekk l-Amażonja ssofri, issofri d-dinja kollha”.