“Id-dinja għandha bżonn li l-Knisja tkun salvazzjoni” – Il-Kardinal Grech

Read in English.

Il-Kardinal Mario Grech qal li d-dinja bħalissa għandha bżonn l-Knisja tkun tabilħaqq “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd” (LG, 48). Dan speċjalment waqt iż-żmien tal-pandemija.

Il-Kardinal qal hekk waqt id-diskors tiegħu waqt il-Konċistorju, li waqtu nħatar Kardinal flimkien ma’ 12-il persuna oħra. Hu ta d-diskors f’isem l-Kardinali l-oħra.

Fid-diskors tiegħu, huwa qal li għandna bżonn indawru l-ħsieb tagħna lejn ħutna lkoll li jinsabu mġarrba b’kaġun tal-pandemija. Huwa qal li b’hekk, hemm bżonn li naqraw il-pandemija b’mod li ngħinu lil kull persuna. Dan biex tinħataf ukoll l-opportunità li “nerġgħu naħsbu l-istili ta’ ħajja tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna, l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna, u fuq kollox is-sens tal-ħajja tagħna” (FT, 33) .

Il-Kardinal Grech żied jgħid li l-Knisja hi msejħa tiftaħ toroq ġodda, u terġa’ hi stess timxi għal għonq it-triq. Huwa qal li din hi l-qagħda tal-insara, jgħixu fid-dinja bħala pellegrini għax jafu li l-milja tista’ tintlaħaq biss fil-Ġenna. Biex il-poplu t’Alla ma jiżbaljax it-triq, irid jimxi flimkien.

Tkellem imbagħad fuq il-Knisja sinodali, li hi Knisja li tisma’; b’hekk ikun hemm smigħ reċiproku biex ikun hemm wasla għal ħsieb miftuħ għal Alla u għall-verità. B’dan il-mod, is-Sinodu tal-Isqfijiet jista’ jiġi mifhum bħala proċess, fejn huma involuti f’sinerġija l-Poplu ta’ Alla, il-Kulleġġ tal-Isqfijiet u l-Isqof ta’ Ruma, kull wieħed skont il-funzjoni tiegħu.

Mons. Grech qal li dan huwa l-bażi tal-ħidma tas-Segreterija tas-Sinodu. L-ewwel kontribut tagħha huwa s-smigħ. Iżda jemmen li s-Segreterija tista’ tagħmel iżjed, billi turi dan l-istil sinodali lill-Isqfijiet u l-Konferenzi episkopali.

Ikkonkluda d-diskors tiegħu billi qal li s-Segreterija tas-Sinodu tista’ tipparteċipa fid-dinamiżmu tal-Knisja b’dan il-mod, speċjalment fi żmien meta d-dinja għandha bżonn li l-Knisja tkun tabilħaqq “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd” (LG, 48). Huwa saħaq li t-tama hija li tagħti l-wens.

Tista’ tara d-diskors sħiħ tiegħu hawn: Id-diskors