“Id-dinja bla nisa ma timxix”

Pope Francis arrives at Blaj, Romania, June 2, 2019. Inquam Photos/Octav Ganea via REUTERS

L-Aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News f’nofs din il-ġimgħa xandret it-test ta’ intervista li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ta lil Valentina Alazraki, ġurnalista tal-istazzjoni televiżiv Messikana “Televisa” li fiha tkellem dwar diversi temi li jvarjaw mill-volenza fuq in-nisa u s-sitwazzjoni fid-dinja.

Bil-ġurnalista ġejja mill-Messiku ma setax jonqos li l-ewwel domanda tkun dwar il-ħajt li l-President Amerikan Trump irid fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti. Il-Papa rripeta dak li ilu ħafna jgħid fuq din il-kwestjoni jiġifieri li “min jibni l-ħitan jispiċċa priġunier tal-ħitan li jibni… Għall-kuntrarju, dawk li jibnu l-pontijiet jagħmlu l-ħbieb u jieħdu b’idejn xulxin anke jekk ikunu fuq in-naħa l-oħra.  Imma bejniethom ikun hemm djalogu”.

Iż-żgħażagħ

Dwar iż-żgħażagħ il-Papa Franġisku wissa’ dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu “jitilfu l-għeruq tagħhom”. Hu kkonferma l-parir tiegħu biex “iż-żgħażagħ jitkellmu mal-anzjani u l-anzjani jkellmu liż-żgħażagħ… għax is-siġra ma tikbirx jekk tkun maqtugħa mill-għeruq”. Il-Papa nkoraġixxa liż-żgħażagħ biex “jiddjalogaw mal-għeruq, u jieħdu l-kultura minnhom. Imbagħad tikber, tiffjorixxi u tagħti l-frott”.

Il-vjolenza fuq in-nisa

Fl-intervista, l-Papa tkellem ukoll dwar il-vjolenza fuq in-nisa. Bla ma pprova jagħti “spjegazzjoni soċjoloġika” għal dan il-fenomenu l-Papa qal li “n-nisa għadhom jinżammu fit-tieni post” u spiss, li tkun fit-tieni ifisser “li tkun suġġett għall-iskjavitù”. Hu ta’ eżempju ta’ nisa prostituti u tkellem dwar żjara li għamel riċentement f’ċentru għal dawn in-nisa li hemm f’Ruma. Huwa faħħar ir-rwol tal-mara fis-soċjetà u sostna li “dinja bla nisa ma timxix”.

Relazzjonijiet mal-media

Meta tkellem dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-media, Papa Franġisku qal li jħossu komdu mal-media. Ammetta li kultant il-mistoqsijiet li jagħmlulu jkunu aktar diffiċli biex iwieġeb u għalhekk irringrazzja lill-ġurnalisti tal-paċenzja tagħhom.

“Xi domandi ġiegħluni naħseb” u bħala eżempju semma l-vjaġġ tiegħu fiċ-Ċile fejn sarulu diversi mistoqsijiet dwar l-abbużi sesswali fil-pajjiż. Qal li kienu domandi li sarulu mill-ġurnalisti fil-vjaġġ lura lejn il-Vatikan li għenuh jirrealizza li ma kienx infurmat biżżejjed dwar is-suġġett. Meta wasalt lura Ruma “ħsibt, tlabt u talab pariri u ddeċieda li jibgħat Viżitatur Apostoliku – l-Arċisqof Malti Charles J. Scicluna, li skopra dak li jien ma kontx naf u dan kien ta’ għajnuna kbira”, qal il-Papa.

Il-każ tal-Kardinal McCarrick

Hu kien mistoqsi wkoll dwar il-komunikazzjoni fi ħdan il-Knisja u l-bżonn li l-affarijiet ikunu ċari kemm għall-media kif ukoll għall-poplu Kattoliku. Hawnhekk il-Papa kkonferma li “iva, irridu nispjegaw”, speċjalment fejn tidħol “il-preżunzjoni tal-innoċenza”. Qal li l-każ tal-Kardinal McCarrick kien differenti “għax l-affarijiet kienu ovvji”. Kien għalhekk li f’dan il-każ seta’ jieħu deċiżjoni anke qabel intemm il-proċess tiegħu u neħħieh kemm minn Kardinal u anke minn saċerdot.

Il-każ tal-Isqof Viganò

Il-Papa kien mistoqsi wkoll dwar is-silenzju tiegħu fuq l-akkużi li għamel dwaru l-Arċisqof Carlo Maria Viganò. Il-Papa wieġeb li “s-silenzju hu wkoll risposta”. F’dan il-każ  hu għamel għażla li jafda fl-onestà tal-ġurnalisti. “Għidtilhom: Ara, għandkom kollox f’idejkom, studjaw kollox u iġbdu l-konklużjonijiet tagħkom… u r-riżultat kien tajjeb, kien aħjar milli kieku ppruvajt nispjega jien biex niddefendi ruħi”.

Il-Papa kkonferma li hu ma kien jaf xejn dwar McCarrick: “Għidt diversi drabi li ma kontx naf, ma kelli ebda idea… kieku ma kontx se nibqa’ sieket.” Hu reġa’ spjega s-silenzju tiegħu billi qal li “l-evidenza kienet quddiemkom biex tiġġudikaw” u t-tieni minħabba l-eżempji li tagħna Kristu: “F’mumenti ta’ kattiverja m’għandekx titkellem għax jisfa agħar. Kollox idur kontrik. Il-Mulej għallimna din it-triq u jien imxejt warajh”.

Emigranti u Refuġjati 

Il-Papa Franġisku kien mistoqsi wkoll dwar l-emigranti u r-refuġjati li hu jqis bħala prijorità fid-dinja tal-lum. “Il-fenomenu tal-emigrazzjoni tant hu serju li jien ħadt f’idejja t-taqsima tal-Emigranti tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman għax kuljum qed nirċievu aħbarijiet dwar imwiet fil-Mediterran”.

Tkellem dwar il-problemi li qed jinħolqu minn xi mexxejja politiċi li qed jinfurzaw politika li jagħlqu l-portijiet tagħhom u allura dgħajjes mimlija emigranti jkollhom jirritornaw f’ibħra perikolużi. Hu sostna t-twemmin tiegħu li għandu jkollna qalb li “tilqa’” u mbagħad irridu nkomplu nakkumpanjaw u nintegraw”.

Il-Papa rrikonoxxa li mhux il-pajjiżi kollha jista’  jsegwu dan il-proċess, iżda stieden il-mexxejja tagħhom biex jikkunsidraw kemm jistgħu jgħinu f’dan il-proċess.

Hu semma wkoll ir-realtà tal-“kuruduri umanitarji” li joffru risposta pożittiva għal din l-emerġenza globali. Semma’ l-eżempju tal-Isvezja li fis-snin tad-dittatura fl-Arġentina u l-Amerika Latina, laqgħet ħafna refuġjati, tagħthom it-taħriġ meħtieġ, offritilhom djar temporanji u għenithom isibu mpjieg. Illum ħafna minn ulied dawk l-emigranti milqugħa fl-Isvezja spiċċaw Ministri f’pajjiżhom.

Huwa qal li meta l-pajjiżi jagħmlu arranġamenti politiċi u joħolqu ħitan li jimbarraw, l-emigranti – li huma l-aktar vulnerabbli – ikunu dawk li jsofru u ħafna drabi jispiċċaw traffikati, isiru skjavi u jkunu torturati.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ garanzija ta’ sigurtà għal dawk li jintbagħtu lura f’pajjiżhom: “Biex nibgħatu n-nies lura f’pajjiżhom irridu niddjalogaw mal-pajjiżi ta’ oriġini u mhux sempliċement nibnu ħajt jew nagħlqu l-bibien ta’ pajjiżna”, appella l-Papa.

Mistoqsi għaliex jagħti daqstant importanza lill-emigranti u jitkellem ħafna dwarhom il-Papa Franġisku wieġeb: “Għax din problema taħraq”. Enfasizza li hu jitkellem ħafna wkoll dwar il-ħajja, il-protezzjoni tal-ħajja u anke kontra l-abort li dwaru qal affarijiet iebsin ħafna.