Id-Dinglin b’appell biex ma jsirx xogħol fi triq qalb l-għelieqi

Had Dingli attivisti

Read in English.

Residenti ta’ Ħad-Dingli u attivisti mill-Moviment Graffitti qegħdin jappellaw biex ma ssirx triq ippjanata f’Ħad-Dingli li tinsab qalb l-għelieqi, u sabiex iż-żona tiġi kkonservata.

Dawn kitbu lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, lill-Ministru għall-Infrastruttura Borg u lill-Ministru għall-Wirt Kulturali Jose Herrera biex jintervjenu immedjatament biex iwaqqfu l-kostruzzjoni ta’ triq ippjanata fl-għelieqi f’Ħad-Dingli. Saret ukoll talba urġenti lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tinħareġ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza għall-Knisja Medjevali ta’ Santa Duminka u l-madwar tagħha f’Ħad-Dingli.

Dawn it-talbiet saru wara l-azzjoni li ħa l-Moviment Graffitti nhar il-Ġimgħa li għadda meta Infrastructure Malta marru b’inġenji goffi mingħajr m’avżaw lir-residenti, bit-tir li jibnu triq f’għelieqi privati.

Fl-ittra tagħhom lill-Ministri, il-bdiewa, ir-residenti u l-attivisti qajmu mistoqsijiet dwar il-ħtieġa ta’ din it-triq. Għalkemm ilha pjanata mill-1998, minn dak iż-żmien ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex tinbena din it-triq. Huma qalu li, “Madankollu, jidher li issa din it-triq saret tant urġenti li Infrastructure Malta iddeċidiet li tibgħat lill-ħaddiema u l-makkinarju fuq is-sit mingħajr ma segwiet il-proċess formali li tavża lis-sidien tal-art milquta, li se jkunu affettwati b’mod negattiv ħafna b’dawn ix-xogħlijiet minħabba li t-triq se tkun qed tgħaddi direttament minn fuq l-art agrikola tagħhom.”

“Minbarra li se teqred sit ta’ importanza arkeoloġika, it-triq konċernata se tkun ukoll ta’ detriment għall-għajxien ta’ bosta minn dawn il-bdiewa, li ilhom jaħartu din l-art u jkabbru l-uċuħ tar-raba’ għal ħafna snin. Barra minn hekk, il-ġibjuni li bħalissa qed jipprovdu l-ilma tant meħtieġ biex jissaqqew dawn l-għelieqi huma mhedda minħabba dan l-iżvilupp.”

Huma ssoktaw jgħidu li l-bini ta’ din it-triq se jkun qed joħloq ukoll pressjoni għal aktar żvilupp fuq l-artijiet barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) tal-madwar, minħabba li diġà kien hemm applikazzjonijiet għal-residenzi fuq art ODZ f’dawn l-istess inħawi. Sostnew li Ħad-Dingli huwa wieħed mill-ftit irħula rurali li għad fadal f’Malta, u r-residenti jixtiequ li jżommuh kif inhu.