Id-dimostranti fl-Iran imwissija “b’id tal-ħadid”

Il-Gwardni tal-Iran kontra l-irvelli qed iwissu dimostranti ta’ kontra l-Gvern li jekk se jibqgħu jinżlu fit-toroq jipprotestaw se jkollhom jaffaċċjaw “l-id tal-ħadid” tan-nazzjon.
Eluf niżlu jipprotestaw f’diversi bliet u rħula madwar il-pajjiż minħabba prezzijiet għolja wisq.
Il-protesti bdew il-Ħamis fil-belt ta’ Mashhad, u malajr infirxu sa Tehran, il-kapitali Iranjana, sal-bieraħ.
In-nies bdew jimmiraw ir-rabja tagħhom lejn il-President tal-pajjiż, Hassan Rouhani, u madwar 52 persuna ġew arrestati l-Ħamis minħabba slowgans deskritti ħorox mill-gvern.                  
Filwaqt li saħaq li kulħadd għandu dritt jipprotesta, il-Kmandant tal-Gwardji ikkritika l-fatt li d-dimostranti spiċċaw jagħmlu l-ħsara u anke jgħajtu slowgans kontra l-Gvern.
Qed ikun irrappurtat li żewġ persuni tilfu ħajjithom waqt il-protesti.
Hemm anke minn qed jitlob għat-tneħħija u saħansitra għall-mewt tal-mexxej suprem, Ayatollah Ali Khamenei
Dawn il-Gwardji għandhom ħafna saħħa fil-pajjiż u jaqgħu direttament taħt il-mexxej suprem. Fost affarijiet oħra, l-għan tagħhom huwa li jippreservaw is-sistema Iżlamika tal-pajjiż.