Ġurnata speċjali għal Victor u Mary Grech (née Vassallo) f’okkażjoni tad-59 anniversarju miż-żwieġ tagħhom. Kien proprju bħal-lum, il-31 ta’ Diċembru tal-1961 li huma wegħdu mħabbithom lil xulxin. Il-ġurnata kienet il-Ħadd u huma żżewġu minn Fr Ivo Tonna, ħabib kbir ta’ Victor, fil-kappella ta’ San Injazju f’Tas-Sliema.
Mary u Victor iltaqgħu fuq il-palk fejn hu kien jagħmilha ta’ suġġeritur. Kien f’dik l-epoka fl-1957 li Mary kienet ħadmet ma’ Twanny Scalpello fuq il-palk L’Ombra, kif ukoll fi dramm ieħor mibni fuq il-ġrajja ta’ Marguerite Gautier ta’ La Traviata.
Meta Mary għalqet it-18-il sena, hija marret il-Kanada fejn kien hemm ħutha. Damet madwar sentejn u meta rritornat lura Malta sabet li sħabha kollha kienu żżewġu… minbarra Victor. Huma bdew jiltaqgħu ul-ħbiberija tagħhom kompliet tikber minkejja li Victor kien għaxar snin u nofs ikbar minnha.
“Id-differenza fl-età mhu xejn ħdejn l-imħabba u r-rispett,” ikkummentat il-koppja Grech ma’ newsbook.com.mt li żiedu jgħidulna li fil-ħajja intoppi dejjem jinqalgħu imma meta koppja tirrealizza kemm hi kbira r-rabta ta’ bejniethom għandhom jitgħallmu jerħu fttit biex b’hekk il-ħabel ma jissikkax.
Miz-zwieġ tagħhom Victor u Mary kellhom żewġ ulied, Josef u Christianne. Huma wkoll nanniet ta’ tlieta. Josef fil-fatt għandu żewġ ulied, Timothy u Emma, filwaqt li Christianne għandha lil Corinne.

Nawguraw lil Victor u lil Mary l-isbaħ xewqat għal dan il-jum u għal aktar snin ta’ mħabba u rispett.