Id-differenza bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni tiżdied b’10 darbiet f’sena

Skont ċifri preliminari ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-differenza bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni f’Novembru f’Malta telgħet b’għaxar darbiet fl-aħħar sena.
Minn kważi €22 miljun f’Novembru tal-2013, issa d-differenza bejn dak li jimporta u jesporta l-pajjiż telgħet għal €226.7 miljun f’Novembru li għadda.
Skont l-NSO, ir-raġuni hi ż-żieda qawwija fl-importazzjoni, b’€126.2 miljun iktar, u t-tnaqqis ta’ €78.6 miljun fl-esportazzjoni.
L-NSO ħareġ ukoll iċ-ċifri għall-ewwel 11-il xahar tas-sena.
Bejn Jannar u Novembru, id-defiċit fil-kummerċ żdied b’€753.7 miljun għal €2,398.3 miljun.
Malta żiedet l-iktar importazzjoni mill-Kanada waqt li l-iktar li naqqset kienet mill-Italja. Fejn tidħol l-esportazzjoni, Malta żiedet l-iktar għall-Eġittu waqt li l-iktar li naqqset kienet għall-Ġappun.