Id-differenza bejn is-sessi mhux żball tal-kreazzjoni jew kumbinazzjoni

“Aħna nemmnu li Alla ħalaq kull persuna raġel jew mara, għalhekk id-differenza bejn is-sessi mhux kumbinazzjoni jew xi żball”.
Din id-dikjarazzjoni għamluha grupp ta’ 20 Isqof u mexxejja reliġjużi oħra li jqisu bħala inkwetanti ħafna l-moviment li qed jikber li “qed jinforza l-idea falza, li raġel jista’ jkun jew jista’ jsir mara, jew bil-maqlub”.
F’ittra li kitbu aktar kmieni dan ix-xahar qalu “aħna nirrikonoxxu u naffermaw li l-bniedem hu maħluq minn Alla u allura għandu d-dinjità tiegħu. Nemmnu wkoll  li Alla ħalaq lil kull persuna bħala mara jew raġel u allura d-differenza sesswali hi rigal minn Alla li tressaqna lejn xulxin u lejn Alla. Dak li ħalaq Alla hu tajjeb”.
Huma kkwotaw mill-Ġenesi li jgħid “Alla ħalaq lill-bniedem fix-xbieha tiegħu; fix-xbieha ta’ Alla ħalaqhom; raġel u mara ħalaqhom”.
L-ittra intitolata “Maħluqa Raġel u Mara” kienet iffirmata minn mexxejja Kattoliċi, Luterani, Anglikani, Ortodossi Griegi, Presbiterjani, Battisti, Musulmani, Ortodossi u mexxejja Nsara oħra.
“Bħala mexxejja ta’ diversi komunitajiet reliġjużi fl-Istati Uniti, fl-imgħoddi ngħaqadna biex naffermaw l-impenn tagħna favur iż-żwieġ bħala għaqda bejn raġel u mara li fuqu hi bbażata s-soċjetà.  Aħna nsostnu li ż-żwieġ naturali hu imprezzabbli għas-soċjetà Amerikana” tgħid l-ittra.
“Issa qed ningħaqdu flimkien biex nitkellmu fuq xi ħaġa aktar fundamentali tal-eżistenza tagħna lkoll, li l-persuni umani huma nisa jew irġiel u li s-soċjetà soċjokulturali tal-ġeneru ma tistax tkun separata mis-sesswalità tar-raġel u l-mara”.
“Nittamaw li din l-ittra twassal għand il-poplu l-fehma komuni tagħna dwar kemm hu sew li l-Kreatur tagħna umanità ta’ raġel jew mara u rridu nenfasizzaw l-impenn tagħna lejn din il-verità b’ċarezza u kompassjoni”, qal  l-Isqof James D Conley ta’ Nebraska.
“Meta bniedem ma jħossux komdu bis-sess tiegħu, jew jixtieq ikunu identifikata bħala persuna tas-sess differenti, hi realtà kumplessa li trid tkun indirizzata b’sensittività u bil-verità.  Kull persuna jixirqilha tkun mismugħa u trattata b’rispett. Hi responsabbiltà tagħna li nwieġbu għat-tħassib tagħhom b’kumpassjoni, ħniena u onestà. Bħala mexxejja reliġjużi, nesprimu l-impenn tagħna li nħeġġu membri tal-komunitajiet tagħna li jgħinu lil dawk li qed jiġġieldu din l-isfida, bil-paċenzja u l-imħabba”.
Il-mexxejja reliġjużi qalu li t-tfal, b’mod partikolari “issirilhom ħsara meta jgħidulhom li jistgħu jibdlu s-sess tagħhom jew jingħataw ormoni li jaffettwaw l-iżvilupp u possibbilment jirrendihom infertili meta jikbru.
L-Ideoloġija tal-Ġeneru tagħmel ħsara kemm lill-individwi kif ukoll lis-soċjetà għax iddaħħal il-konfużjoni u d-dubji.  L-Istat għandu nteress li jmexxi politika li tirrikonoxxi l-fatt xjentifiku tal-bioloġija umana u jappoġġja istituzzjonijiet u normi soċjali li jsostnu dan”.
L-ittra tikkritika lil dawk il-forzi fis-soċjetà li jġiegħlu n-nies jew “imorru kontra r-raġuni” u jagħżlu li jkunu tas-sess oppost minn dawk li twieldu bih, jew “ikunu rredikolati, emarġinati jew isofru xi forma oħra ta’ ritaljazzjoni”.
“Aħna nixtiequ l-ferħ u s-saħħa lill-irġiel, in-nisa u t-tfal kollha.  Għalhekk irridu politika li tirrikonoxxi l-verità tal-identità sesswali ta’ persuni bħala mara jew raġel u l-privatezza u s-sigurtà ta’ kulħadd. Nittamaw li s-sbuħija tad-differenza sesswali tkun apprezzata fil-kultura tagħna u biex ikun hemm appoġġ veru lil dawk li qed jesperjenzaw kunflitt bl-identità sesswali mogħtija lilhom minn Alla”, temmew jgħidu l-mexxejja reliġjużi fl-ittra tagħhom.