“Id-dħul fl-UE kienet deċiżjoni radikali għal ekonomija sostenibbli” – Gonzi

L-eks Prim Ministru ta’ Malta Dr Lawrence Gonzi qal li Malta qed tgawdi minn ekonomija sostenibbli grazzi għal għadd ta’ deċiżjonijiet radikali li kellhom jittieħdu. Il-parti l-kbira ta’ dawn id-deċiżjonijiet fissru wkoll li ma nibqgħux fil-comfort zones.
Dr Gonzi kien qed jitkellem f’Berlin waqt il-konferenza Berlin Economic Forum 2014-24 bl-isem ta’ Sustainable Economies, Sustainable Technologies, Sustrainable Industries. Is-suġġett tad-diskors tiegħu kien il-perspettiva Maltija fuq kwistjonijiet tas-sostenibbiltà tal-ekonomija.
Semma’ għadd ta’ deċiżjonijiet li Malta kellha tieħu f’dan ir-rigward, fosthom id-deċiżjoni li ttieħdet fil-bidu tas-snin Disgħin biex isir investiment kbir fit-teknoloġija moderna, id-deċiżjoni li ttieħdet f’nofs is-snin Disgħin li ssir bidla fis-settur mal-manifattura, u d-deċiżjoni li jsir żvilupp fis-settur finanzjarju ta’ Malta, li hu qasam ta’ suċċess kbir.
Żewġ deċiżjonijiet kbar oħra kienu dik li nidħlu fl-Unjoni Ewropea f’Mejju tal-2004 u d-deċiżjoni li Malta ssir membru tal-Eurozone f’Jannar tal-2008. Dr Gonzi ddeskriva d-dħul ta’ Malta fl-UE bħala pass kbir li fisser aċċess komplut u mingħajr restrizzjonijiet fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea.
Qal ukoll li jemmen li meta Malta daħħlet l-ewro, eliminat ħafna dubji li kellna dwar munita ta’ pajjiż żgħir, eliminat l-ispejjeż kollha relatati mal-konverżjoni tal-flus, u iktar importanti minn hekk, addottat il-kriterja ta’ Maastricht, li jfisser li addottat għanijiet, li meta milħuqa, kienu jispiraw investituri biex jinvestu f’Malta.
Dr Gonzi qal li dawn id-deċiżjonijiet kollha kienu kontroversjali ħafna meta ttieħdu, iżda ż-żmien wera li ftit uġigħ temporanju jwassal għal tgawdija fit-tul, kemm għal dawk li ma xtaqux li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu, kif ukoll għal Malta.