“Id-dewmien biex ineħħu lil Mizzi sewa l-miljuni” – Delia

Facebook

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-falliment tal-Partit Laburista milli jaġixxi kontra Konrad Mizzi fil-ħin swiet il-miljuni lil Malta permezz tan-negozji varji mċappsa li kien involut fihom.

Delia kien qed jitkellem waqt dibattitu fuq l-estimi finanzjarji tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Beda d-diskors tiegħu dwar l-aħħar żviluppi politiċi fil-pajjiż. Qal li meta wieħed jitkellem dwar it-turiżmu wieħed jitkellem dwar ir-reputazzjoni li Malta tippreżenta lid-dinja. Saħaq li din ir-reputazzjoni issa tkissret.

Minkejja li għadd ta’ ministri ċaħdu l-allegazzjonijiet, Delia insista li l-Kabinett ilu jaf dwar l-iskandlu tal-wind farms ta’ Montenegro minn Novembru 2019. Irrefera għax-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Delia elenka għadd ta’ ftehimiet li fihom kien involut Konrad Mizzi. Beda bil-ftehim ta’ sponsorship ta’ €4.5 miljun bejn il-MTA u VistaJet meta Mizzi kien ministru responsabbli mit-turiżmu.

Delia rrefera għall-ftehim tal-Vitals li bih ħa f’idejh tliet sptarijiet. Eventwalment dawn spiċċaw għand Steward Health Care. Kompla jgħid li l-ftehim tal-2019 jfisser li Malta trid tħallas €100 miljun lil Steward jekk il-ftehim jiġi rtirat.

Il-Kap Nazzjonalista saħaq li kieku Mizzi kien tneħħa qabel Malta ma kien ikollha tħallas xejn u l-isptarijiet kienu jkunu f’idejn il-poplu.

Delia jinsisti li Abela huwa wkoll responsabbli għall-iżballji tal-passat

Delia nnota li filwaqt li Mizzi tkeċċa mill-partit, il-predeċessur Joseph Muscat għadu parti mill-grupp parlamentari Laburista. Abela qal li l-każ ta’ Muscat kien differenti. Delia saħaq li l-iżball ta’ Muscat kien li baqa’ jżomm lil Mizzi.

Delia spjega li Abela kien qed jinsa jgħid li huwa kien l-avukat ta’ Muscat f’Kastilja. Fakkar ukoll li Abela vvota favur Konrad Mizzi meta l-PN ippreżenta vot ta’ sfiduċja fih.

Delia appella għal investigazzjoni f’kull kuntratt iffirmat minn Mizzi waqt li kien fil-Kabinett.