Jitħabbar x’se tagħmel Kate Middleton f’Malta

Hekk kif baqa' inqas minn xahar, il-midja Ingliża ppublikat il-programm taż-żjara li se tagħmel f'Malta id-Dukessa Kate Middleton f’Settembru li ġej.
Dan minkejja li l-Gvern Malti ma ta l-ebda dettalji dwar x'se jkun qed jiġri f'dawn il-jiem ta' ċelebrazzjoni. 
Id-Dukessa ta' Cambridge se tasal Malta s-Sibt 20 ta’ Settembru u l-ewwel żjara tagħha se tkun lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta’ San Anton, li se jkun ir-residenza tad-Dukessa.
Wara se tiltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura tiegħu f’Kastilja, u mbgħad se tara spettaklu mill-Forzi Armati ta' Malta fi Pjazza San Ġorġ.
Dakinhar stess se żżur ukoll il-Librerija Nazzjonali.
Is-Sibt filgħaxija fil-Barrakka ta' Fuq se jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena tal-Indipendenza bid-Dukessa tkun il-mistiedna speċjali.
L-għada l-Ħadd id-Dukessa se tattendi għall-Quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Wara se jkollha ċ-ċans ukoll tiltaqa' mal-Aġenzija Żgħażagħ, il-knisja ta' San Lawrenz fil-Birgu u se tirkeb dgħajsa biex iżżur il-Port il-Kbir.
Qabel ma titlaq minn Malta l-aħħar attività għad-Dukessa ta' Cambridge se jkun festin organizzat mill-Kummissarju Għoli għall-Ingilterra fir-residenza tiegħu.
Din se tkun l-ewwel darba li d-Dukessa se żżur pajjiż mingħajr ir-raġel tagħha l-Prinċep William u binha l-Prinċep George.