Id-dettalji dwar il-mina għadhom mhux sodi – Kummissjoni Ambjent

Read in English.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li għadha ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li permezz tagħha wieħed ikun jista’ janalizza l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex titjieb.

L-istqarrija tal-Kummissjoni tal-Knisja ħarġet wara l-aħbar li Infrastructure Malta bdiet il-proċess li bih qed tfittex li tidentifika kumpanija jew konsorzju biex jibnu u joperaw il-mina għal żmien definit.

Għalfejn il-mina hi l-unika soluzzjoni?

Hija tħoss li mina bejn iż-żewġ gżejjer qed tiġi preżentata bħala l-unika soluzzjoni għal din il-kwistjoni. Ta’ min isemmi l-fatt li l-introduzzjoni ta’ vapur ieħor f’dawn l-aħħar xhur għen biex jitjieb is-servizz ta’ mobbiltà u trasport bejn iż-żewġ gżejjer għalkemm il-wegħda li jkun aċċessibbli aktar għal persuni bi ħtiġijiet speċjali għal xi raġuni għadha ma seħħitx, u lanqas ma saret sejħa internazzjonali biex jinġieb vapur b’mod permanenti.

Il-Kummissjoni saħqet li dan iwassal biex tissaħħaħ l-impressjoni tal-pubbliku li mina tkun l-unika soluzzjoni għal aċċessibbiltà aħjar bejn il-Gżejjer.

Dwar is-sejħa għall-offerti tal-fast ferry service u tas-servizz tal-ħelikopter, il-KA qalet li qed tistenna li l-proċess tat-tħejjija tad-dokumenti tat-tenders jew id-deċiżjonijiet li jittieħdu wara sejħa għall-offerti jkunu għalkollox trasparenti.

Wiegħda elettorali?

Il-Kummissjoni temmet tgħid li l-argument li l-bini tal-mina hija wegħda elettorali ma għandux saħħa, għaliex din il-wegħda kienet saret fl-assenza tal-istudji kollha li saru wara.

Għalfejn ma ġewx ippubblikati r-rapporti dwar il-ħlas tal-biljett?

Il-KA qalet li l-Gvern jidher li għażel il-mina mingħajr ma ġew ippubblikati l-evalwazzjonijiet li saru dwar il-ħlasijiet li jistgħu jintalbu għal servizzi alternattivi. Il-ħlas se jkun negozjat fl-aħħar tal-proċess mal-kumpanija li jkun għażel il-Gvern. Il-KA jidhrilha li ċ-ċittadin għandu jkun jaf sew minn qabel kemm ser jintalab iħallas għall-użu tal-mina skont il-volum tat-traffiku li qed jissemma’.

X’inhuma l-effetti fuq l-ambjent, l-effetti soċjali u kulturali?

Il-KA saħqet dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet jistudjaw bir-reqqa l-effetti ambjentali, soċjali u kulturali ta’ kull alternattiva. Dan irid iqis l-effetti fuq il-gżejjer tagħna b’mod ġenerali imma fuq kollox fuq il-komunitajiet ta’ nies li għal mijiet ta’ snin kienu jgħixu fl-inħawi ta’ fejn hu propost li tiżbokka l-mina fl-inħawi tal-Għerien, l-Imbordin u l-Manikata.

Barra minn dan, il-KA staqiet xi studji serji hemm ippubblikati dwar l-impatt tal-mina fuq it-turiżmu intern u x’ser ikun l-impatt li se jkollu l-proġett fuq is-sidien tal-appartamenti turistiċi/farmhouses.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ: