Id-detenzjoni b’impatt qawwi fuq persuni bla stat

Rapport ġdid li ħareġ mill-European Network on Statelessness u l-Fondazzjoni aditus jgħid li d-detenzjoni għandha impatt qawwi fuq persuni bla nazzjon u li n-nuqqas ta’ proċeduri fid-detenzjoni li jidentifikaw u jirrikonoxxu persuni bla nazzjon jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità mad-drittijiet umani f’Malta.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni aditus Neil Falzon qal li r-rapport jikkonferma l-urġenza li Malta tirrevedi l-politika ta’ detenzjoni.
Saħaq li r-rapport jesiġi li n-nuqqas ta’ proċedura li tidentifika l-persuni bla stat, f’ħafna każi, tmur kontra l-liġi u turi nuqqas ta’ protezzjoni soċjali u legali.
Falzon spjega li minkejja n-nuqqasijiet identifikati fir-rapport, il-pjanijiet li se tiġi riveduta l-politika ta’ detenzjoni hu pass ‘il quddiem biex Malta tkun fil-Konvenzjoni tal-1954.
Ir-rapport juri li detenzjoni ta’ persuni bla nazzjon tqanqal tħassib fl-Ewropa.  Jelenka numru ta’ rakkomandazzjonijiet u jappella lill-Gvern biex ikun parti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-istat ta’ persuni li ma jippartjenu għall-ebda stat tal-1954, biex jistabbilixxi proċedura li tidentifika u tirrikonoxxi persuni bla stat u li minn detenzjoni awtomatika ssir sistema bbażata fuq assessjar tal-individwu.
Ir-rapport jirrakkomanda wkoll li d-detenzjoni trid tkun l-aħħar għażla u li tiġi assigurata l-protezzjoni għal dawn il-persuni.