Aġġornata: Il-ġenituri ta’ Charlie Gard iċedu l-armi

Il-ġenituri ta’ Charlie rtiraw uffiċjalment l-applikazzjoni biex binhom jirċievi kura esperimentali fl-Istati Uniti.
Chris Gard u Connie Yates ħabbru d-deċiżjoni tagħhom hekk kif l-Imħallef Francis kien qed jipprepara biex jmexxi s-smigħ fl-aħħar stadji tal-battalja legali.
Wieħed mill-avukati li kien qed jirrapreżenta lill-ġenituri tat-tarbija qal li t-tarbija “issa għaddielha ż-żmien”.
Hu żied jgħid li huma ħadu din id-deċiżjoni iebsa wara l-aħbar mingħand tabib Amerikan li issa hu tard wisq biex it-tarbija tirċievi kura esperimentali.
Sadanittant aktar kmieni llum, il-ġenituri tat-tifel Charlie Gard marru lura l-Qorti għas-smigħ fejn jista’ jkun deċiż id-destin ta’ binhom ta’ ħdax-il xahar.
L-Imħallef Francis kellu jmexxi s-smigħ fl-aħħar stadji tal-battalja legali ta’ Chris Gard u Connie Yates li ilha għaddejja ħames xhur fil-Qorti ta’ Londra.
Is-smigħ kellu jibda fl-10am iżda ġie pospost fl-aħħar ħin mingħajr ma ngħataw raġunijiet.
L-Imħallef qal li kien qed jittama li jagħti deċiżjoni l-iktar tard sa għada.
Nhar il-Ġimgħa, avukata li qed tirrappreżenta lit-tobba tal-isptar Great Ormond Street li qed jikkuraw it-tarbija, qalet lill-ġenituri li l-iktar scan riċenti kien “diżappuntanti.”
Omm it-tarbija infaqgħet tibki waqt li l-avukata tat l-aħbar fi smigħ preliminari fid-diviżjoni tal-familja tal-qorti.
L-Imħallef talab li d-dettalji ma jingħatawx kollha fil-qorti u li l-ġenituri kellhom jingħataw iż-żmien biex jistudjawh b’mod privat.
Il-ġenituri riedu li jieħdu ‘l binhom għal kura esperimentali
Il-ġimgħa li għaddiet, speċjalista Amerikan, Michio Hirano, professur tan-newroloġija fiċ-ċentru mediku tal-università ta’ Columbia, mar Londra fejn eżamina lil Charlie għall-ewwel darba u eżamina l-każ mat-tobba ta’ Great Ormond Street.
Il-ġenituri talbu lill-Imħallef biex jagħti l-permess sabiex it-tifel, li għandu kundizzjoni ġenetika rari, jittieħed għal terapija ġdida bi prova fi New York.
It-tobba ta’ Great Ormond Street qalu li t-terapija hija esperimentati u mhux se tgħin. Qed jgħidu li għandhom jintfew il-magni li qed iżommu t-tifel ħaj.
Il-qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll iddeċidiet kontra x-xewqa tal-ġenituri ta’ Charlie.
Id-direttur tal-isptar Great Ormond Street qalet li t-tobba u l-infermiera kienu suġġetti għal tgħajjir fit-toroq u rċever eluf ta’ messaġġi ta’ theddid fil-ġimgħat li għaddew. Qalet li l-isptar jinsab f’kuntatt mal-pulizija.