“Id-deroga skuża mill-Gvern biex jirbaħ il-kaċċaturi” – Marlene Farrugia

Il-Membru Parlamentari Laburista Marlene Farrugia dalgħodu ddikjarat il-pożizzjoni tagħha li hija kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Fuq Facebook, Farrugia qalet li hi favur kaċċa sostenibbli u kontra l-kaċċa tal-għasafar li jkunu qed ipassu biex ibejtu.
Sostniet li hi favur li l-kaċċaturi Maltin ikollhom l-istess drittijiet bħall-kaċċaturi Ewropej.
Marlene Farrugia qalet li “d-deroga qed tintuża biss bħala karrotta minn Gvern jew ieħor biex iżomm il-kaċċaturi miegħu.” Spjegat li din id-deroga qed isservi biss biex jinġabru ‘taxxi’ f’forma ta’ multi fuq il-magħżulin, għax l-infurmzar mhux mifrux b’mod rett u ġust.
Kitbet ukoll li “d-deroga qed isservi biex il-kaċċaturi jiġu abbużati psikoloġikament mill-Gvern tal-ġurnata kif gara s-sena l-ohra, u biex ikompli jitqajjem sentiment kontra l-kaċċaturi.”
Farrugia argumentat li hi trid li l-kaċċaturi jikkaċċjaw bil-kwiet mingħajr torturi fl-istaġuni meta s-sostenibilità tal-kaċċa ma tkunx mhedda.
Temmet tgħid li sa issa l-ebda Gvern ma wera biżżejjed serjetà biex jassigura kaċċa sostenibbli, b'mod ġust mal-kaċċaturi kollha mhux ma’ uħud biss.
Sadanittant dwar l-appell tal-għaqda studenteska SDM biex il-Gvern jħalli liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fir-Referendum, Marlene Farrugia qalet jekk il-Gvern jixtieq jagħti dan id-dritt liż-żgħażagħ, għandhom jitħallew jivvutaw fir-referendum ukoll.