Id-Deputat Prim Ministru tar-Renju Unit jirriżenja wara li kiser il-kodiċi ta’ etika

Damian Green, wieħed mill-aktar persuni viċin il-Prim Ministru Ingliż, Theresa May, kien sfurzat jirriżenja mill-kabinett wara li nkjesta sabet li kien kiser il-kodiċi ta’ etika tal-Ministri.
Green, li għandu 61 sena, kien l-ewwel segretarju tal-istat. Dan ifisser li bażikament kien id-Deputat Prim Ministru.
Huwa ntalab jirriżenja wara li ritratti pornografiċi nstabu fuq il-kompjuter tiegħu fl-uffiċċju tal-Gvern.
Apparti li rriżenja, Damian Green talab apoloġija lill-kittieba Kate Maltby talli ġiegħla tħossha “mhux komda” għalkemm ċaħad li pprova javviċinaha sesswalment.
Rapport uffiċjali sab ukoll li xi stqarrijiet pubbliċi li għamel dwar dak li kien jaf fuq l-allegazzjonijiet “ma kinux eżatti u xi drabi qarrieqa.”
Green huwa t-tielet ministru fil-kabinett ta’  May li rriżenja fi żmien xahrejn.