Id-Deputat Prim Ministru jinawgura l-wirja kollettiva ta’ Island Insurance Brokers

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dan l-aħħar inawgura l-wirja kollettiva ta’ arti li qed tkun organiżżata minn Island Insurance sabiex tiċċelebra t-30 anniversarju tagħha.

Il-wirja, bit-tema Island Supports the Arts, qed tittella’ fil-Gallerija Iniala fil-Belt Valletta bl-involviment ta’ 23 artist Malti li huma Luciano Micallef, Norbert Francis Attard, Pawl Carbonaro, Carmel Bonello, Richard Saliba, Harry Alden, Anthony Calleja, Tonio Mallia, James Vella Clark, Andrew Diacono, Celia Borg Cardona, Anna Galea, Kenneth Zammit Tabona, Mark Schembri, Philip Chircop, Mark Geoffrey Muscat, Rupert Cefai, Vince Caruana, George Scicluna, Antoine Paul Camilleri, Alex Dalli, George Muscat u Ethelbert Perini.

Island Insurance Brokers Ltd bdiet l-operat tagħha fl-1989 u r-rabta tagħha mal-arti toħroġ minn inizjattiva mibdija mid-diretturi tagħha fl-1990 meta l-kumpanija probabbilment kienet ta’ l-ewwel nett li kienet tikkummissjona artisti lokali, primarjament pitturi imma wkoll skulturi, biex ifornu xogħlijiet oriġinali biex jingħataw bħala rigali korporattivi fl-aħħar tas-sena.

“Minbarra li nappoġġjaw artisti emerġenti u oħrajn stabbiliti, din l-inizjattiva kienet sors ta’ sodisfazzjon kbir għalina b’mod speċjali meta bdejna naraw kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra jagħmlu bħalna biex b’hekk bdew huma wkoll jgħinu biex tinfirex l-arti f’aktar djar u b’hekk, jikber l-apprezzament lejn l-arti u t-talent lokali,” qal Lawrence Pavia, Direttur Maniġerjali ta’ Island Insurance Brokers.

“Aħna bdejna bil-mod u wasalna fejn wasalna llum permezz ta’ xogħol iebes, dedikazzjoni u impenn bla waqfien – qisha t-triq ta’ artist li jiżviluppa u jirnexxi permezz ta’ snin twal ta’ xogħol iebes. Din il-wirja se tkun ċelebrazzjoni permezz tal-kulur u l-kreattività, tat-30 sena ta’ suċċess tal-kumpanija tagħna,” żied Lawrence Pavia.

F’diskors qasir tiegħu waqt il-ftuħ tal-wirja, Fearne semma’ l-passjoni tiegħu għall-arti u esprima l-apprezzament tiegħu lejn Island Insurance bħala kumpanija li ilha tissapportja l-arti u lill-artisti Maltin għal dawn is-snin kollha. Huwa saħaq ir-rwol importanti li għandhom kumpaniji u organiżżazzjonijiet ta’ negozju fil-promozzjoni ta’ l-arti u awgura lil Island Insurance aktar suċċess fis-snin li ġejjin.

Island Insurance Brokers twaqqfet f’April tal-1989 minn Lawrence Pavia u Carmel Cascun biex jipprovdu servizzi professjonali ta’ assigurazzjoni u risk management professjonali, effiċjenti għall-komunità industrijali u kummerċjali ta’ Malta. Matul is-snin il-kumpanija, li timpjega aktar minn 30 professjonist, espandiet ukoll fil-Linji Personali tal-Assikurazzjoni. Fl-2016, Island Insurance Brokers ġiet akkwistata mill-Grupp Argus ibbażat f’Bermuda bħala parti mill-istrateġija tal-Grupp li jiddiversifika u jespandi l-operat kummerċjali globali tiegħu. Illum IIB tifforma parti minn Argus Group Holdings Limited.

Il-wirja, li għandha bħala kuratriċi lil Dr Charlene Vella qed tkun akkumpanjata minn katalogu illustrat bl-esebiti kollha. Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru.

Dan il-kontenut huwa mwassal minn Island Insurance Brokers