Marlene Mizzi tgħid lill-PM jitlaq “issa”

Marlene Mizzi, l-eks Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista qed tappella lil Chris Fearne biex jieħu f’idejh it-tmun tal-pajjiż. B’hekk qed issejjaħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jitlaq issa.

Fuq il-mezzi soċjali, Marlene Mizzi qalet li l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru qiegħda hemm biex meta jkun hemm bżonn jieħu r-riedni f’idejh.

L-eks MEP Laburista saħqet li hemm bżonn li dan iseħħ malajr kemm jista’ jkun. “L-EWWEL il-Pajjiż”, temmet tgħid Marlene Mizzi.

Fil-jiem li għaddew, Marlene Mizzi rreaġixxiet ukoll għall-appelli ta’ wħud biex titħassar l-Istrina “minħabba l-atmosfera politika tossika”. Saħqet li min qed jipproponi dan ma japprezzax li l-Malta Community Chest Fund Foundation huwa dipendenti esklussivament fuq id-donazzjonijiet.

Fissret li l-poplu Malti għandu juri l-qalb kbira tiegħu billi jingħaqad flimkien għall-ġenerożità b’risq il-morda u l-vulnerabbli.